Lokali

Tibqa’ tiżdied l-attività fil-binja tar-Reġistru Pubbliku bir-riċerki tal-proprjetà

Ir-riċerki li n-nutara jagħmlu qabel biċċa propjeta’ tibdel l-idejn issa qabżu il-15,000 fix-xahar. Ir-riċerki jsiru fir-Reġistru Pubbliku fil-Belt Valletta u x-xogħol li jsir hemmhekk jista’ jittieħed bhala kejl ta’ kif sejjer is-suq tal-propjeta’ fil-pajjiż.

Hija giljottina mdaqqsa, li għandha madwar 100 sena, u li għadha tintuża bħal parti mill-proċess ta’ llegar ta’ numru kbir ta’ noti ta’ kuntratti li jidħlu kull xahar. Il-magna tinsab fir-Reġistru Pubbliku fil-Belt Valletta, il-post fejn isiru r-riċerki li jiġu ordnati min-nutara qabel isir il-bejgħ ta’ propjetà, xi biċċa art jew azjendi sħaħ. Il-proċess huwa manwali, mill-qtugħ tal-karti sat-taħlit u t-tixpip tal-kolla u l-bqija. Għadu jsir kif kien isir għal għexieren ta’ snin.

Iż-żieda fl-attività fis-suq tal-propjetà reġistrata fl-aħħar snin kienet innutata f’dan il-bini wkoll. Għaliex ir-riċerki żdiedu u żdiedu sew. Huwa stmat li kull xahar hawnhekk isiru mal-15,000 biċċa riċerka differenti… kull waħda tfisser biċċa negozju differenti.

Fl-2015 saru total ta’ 59,000 riċerka ; Fl-2016 ir-riċerki qabżu t-63,000. U din is-sena mistennija żieda oħra.

“Bejn 2015 u 2016.. żieda ta’ 49 fil-mija fir-riċerki. Din is-sena l-ewwel sitt xhur 2017 ma’ 2016; żieda ta’ 40 fil-mija…. Aktar ma nagħmlu riċerki aktar nagħmlu flus għall-gvern,” spjega Michael Mifsud, Senior Manager Taqima tar-Riċerka fir-Reġistru Pubbliku.

Fost id-dokumenti li jiġu insinwati fir-Reġistru Pubbliku, u li eventwalment jintużaw biex isiru r-ricerki, hemm testmenti u ipoteki, minjiera ta’ informazzjoni dwar individwi u l-propetajiet tagħhom…. miljuni ta’ dokumenti uhud minnhom manuskritti li jmorru lura sal-1859.

“Ma nistgħux nibagħtuhom fl-arkivji għax jekk ikun hemm nutar li jagħmel riċerka fuq propjetà li l-bidu tagħha kien fl-1850s, jiena rrid li jkolli l-informazzjoni kollha hawnhekk biex inkun nista’ nagħmel riċerka korretta,” qal Mifsud.

U sadanittant ir-rota tibqa’ ddur, imhaddma bl-idejn, l-istess kif kienet taghmel mitt sena ilu.