Lokali

Tifħir għat-tħejjijiet tal-Junior Eurovision Song Contest

Il-Junior Eurovision Song Contest li ser isir f’Malta x-xahar id-dieħel qed jitqies bħala l-akbar festival  tax-xorta tieghu mill-2007 ‘l hawn. Uffiċċjali barranin qalu li baqgħu impressjonati bit-tħejjiet għall-festival f’Malta mill-Public Broadcasting Services.
 
Sittax-il pajjiż  se jieħdu sehem fil-Junior Eurovision Song Contest li din is-sena se jsir f’Malta fil-15 ta’ Novembru li ġej. Dan tħabbar waqt laqgħa tal-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-pajjiżi finalisti f’dan il-festival.
Uffiċjali tal-European Broadcasting Union stqarrew li jinsabu impressjonat bit-tħejjijiet tal-Public Broadcasting Services għall-festival.
Bis-sehem ta’ 16-il pajjiż fil-festival, dan se jkun l-ikbar Junior Eurovision Song Contest mill-2007 ‘l hawn.  Wara li fl-2011, l-Italja reġgħet bdiet tieħu sehem fil-Eurovision, għall-ewwel darba din is-sena se tieħu sehem fil-Junior Eurovision Song Contest ukoll.
Iċ-chairman tal-Public Broadcasting Services, Tonio Portughese esprima s-sodisfazzjon għall-interess qawwi li hemm fil-Junior Eurovision Song Contest din is-sena.
Il-Ministru responsabbli mix-xandir pubbliku, Emanuel Mallia qal li l-media barranija qed tagħti importanza kbira lill-Junior Eurovisio Song Contest.
Fl-istess laqgħa tad-delegazzjonijiet ġie żvelat id-disinn tal-palk ta’ dan il-festival. Il-palk wiesgħa 28 metru se jkun miksi b’508 metru kwadru ta’ LED skrins, se jkun magħmul minn għadd ta’ triangoli kkuluriti mitwija b’mod li joħolqu l-forma ta’ origami ġgantesk. Il-forom triangolari jirriflettu l-logo uffiċjali tal-Junior Eurovision.