Lokali

Tkompli tibni fuq il-ħolma t’ommha b’kuraġġ li sabet wara l-qtil brutali 7 snin ilu

Ta’ sittax-il sena qatlulha lil ommha kiesaħ u biered b’tiri ta’ senter fl-Imġarr. Seba’ snin wara, Caricia Sammut tgħid lil TVM li hija mara soda, li rnexxielha tibqa’ tibni n-negozju t’ommha u l-ħolma kbira tagħha hi li terġa’ tara lil ommha wara li tmut.

Seba’ snin ilu, Caricia Sammut li kien għad kellha biss 16-il sena kienet fuq il-kompjuter u minn fuq il-Facebook saret taf li qatlulha lil ommha Christine kiesaħ u biered fil-vann tagħha fl-Imġarr. Qatilha l-ex sieħeb tagħha stess li llum qed jiskonta sentenza ta’ 35 sena ħabs. Caricia qalet li hi għexet m’ommha – ħajjitha bla missier, u meta tilfet lil ommha, fissret li tilfet kollox.

“Meta mietet il-mummy ħassejt id-dinja taqa’ fuqi, kien żmien fejn bdejt ingawdi l-mummy, żmien li ma nixtieqx nerġa’ ngħaddi minnu.”

Bi tfulija fil-faqar, Caricia tiftakar li ommha qas kien ikollha flus għall-ikel, u kien għalhekk li kienu jgħixu man-nanna. Tispjega li ommha wara l-faqar irnexxielha tibni negozju billi bdiet tbigħ il-prodotti tax-xagħar fis-salons, u minn hemm rnexxielha tikber u tinqata’ mill-faqar.

“Konna vera fqar, ma kellhiex għall-ikel u għall-ħalib, iz-ziju kellha jtiha flus biex ngħaddu… konna ngħixu għan-nanna tiegħi..bdiet toħroġ b’serum wieħed u l-bambin kien magħna u qabdet minn hemm.”

Caricia tgħid li Alla kbir ħafna, u tħossha grata għal zijuwha James u martu, u għan-nanna tagħha li tant iħobbuha. Illum minbarra li hija sid ta’ negozju, u mudella li se tikkompeti għal Miss Universe ta’ din is-sena f’isem ir-Rabat, tgħid li ommha qiegħda magħha l-ħin kollu.”

“Għal tliet snin m’emmintx b’Alla imma ndunajt li Alla refagħni minn xagħri… ma tridx taqta’ qalbek, ix-xita ma tibqax nieżla għal dejjem.”

Minkejja dak kollu li għaddiet minnu, Caricia qaltilna li l-ferħ tagħha ssibu fil-memorji ta’ ommha u fit-tbissima sabiħa tagħha, memorji li ma jmutu qatt.