Barranin

Tkompli tisħon il-qagħda diplomatika bejn l-Istati Uniti u l-Korea ta’ Fuq

Tkompli tisħon il-qagħda diplomatika bejn l-Istati Uniti u l-Korea ta’ Fuq, hekk kif fl-aħħar sigħat, il-President Amerikan Donald Trump mill-ġdid bagħat twissija iebsa lill-Pyongyang li għandha tkun nervuża ħafna jekk tagħmel xi ħaġa fil-konfront tal-Istati Uniti. Din it-twissija saret wara li l-Korea ta’ Fuq ħabbret li għandha pjan lest biex tispara erba’ missili lejn it-territorju Amerikan ta’ Guam.

Fid-dawl ta’ din il-kwistjoni, ir-residenti ta’ Guam huma anzjużi għal dak li jista’ jseħħ, għalkemm qed jeħduha b’kawtela jistennew xi żviluppi jista’ jkun hemm. Il-bajjiet ta’ din il-ġżira, b’popolazzjoni ta’ madwar 160,000 persuna, huma miżgħuda b’turisti Ġappunużi u Koreani.

Intant, il-Prim Ministru tal-Awstralja, Malcolm Turnbull qal li pajjiżu huwa lest li jingħaqad fi gwerra kontra l-Korea ta’ Fuq jekk din tal-aħħar twettaq attakk fuq l-Istati Uniti.