Barranin

Tnax salvaw wara li nħbew f’tank tal-ilma

Tnax-il persuna rnexxielhom issalvaw minn nar qawwi li ħakem foresta fiċ-ċentru tal-Portugall wara li nħbew f’tank tal-ilma. Ir-residenti, fosthom mara b’diżabilità ta’ 95 sena, qattgħu aktar minn sitt sigħat fit-tank hekk kif il-ħaddiema ta’ salvataġġ ma setgħux jilħqu ż-żona fejn kienu minħabba n-nirien. Fi kliemhom kieku ma kienx għat-tank tal-ilma ma kinux isalvaw. In-nirien ħallew 62 persuna mejta, li ħafna minnhom mietu fil-karozzi waqt li kienu qed jippruvaw jaħarbu. In-nar beda nhar is-Sibt li għadda waqt mewġa ta’ sħana qawwija u maltempata bir-ragħad u s-sajjetti imma mingħajr xita. Skont il-pulizija n-nar seta’ beda meta sajjetta laqtgħet siġra. In-nar għadu jaqbad f’diversi żoni, u qed jinfirex f’żewġ reġjuni oħra.