Lokali

Turist jeħel 14-il xahar ħabs sospiżi wara li seraq żewġ mobiles

Franċiż ta’ 20 sena kien ikkundannat 14-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn wara li ammetta li seraq żewġ mobiles fi stabbiliment f’Paceville.

Louis Vallee kien akkużat li fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu, waqt li kien fl-istabbiliment Fuego, seraq mobile HTC u mobile ieħor Samsung lil żewġ nisa. Filwaqt li l-mobile HTC instab fuqu u ġie ritornat lil sidtu, il-mobile Samsung baqa’ ma nstabx.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Aaron Farrugia, semgħet kif Vallee huwa infermier student, u ġie Malta għal ġimgħa fuq btala.

Il-prosekuzzjoni argumentat li l-pick-pocketing kien qed jiżdied u talbet lill-Qorti biex tibgħat messaġġ li jservi ta’ deterrent.

Mill-banda l-oħra, id-difiża tal-għajnuna legali argumentat li ż-żagħżugħ għandu kondotta nadifa, u li kien lest iħallas għall-mobile li ma ġiex ritornat.

Minbarra l-14-il xahar ħabs sospiżi, il-Qorti għalhekk ordnat lil Vallee biex iħallas €800 għall-mobile li seraq bħala kumpens lil sidtu.