Barranin

It-Turkija tfakkar sena mindu falla l-attentat kolp ta’ stat

Il-President Tork Recep Tayyip Erdogan indirizza eluf kbar ta’ nies li ħonqu l-pjazza ta’ Istanbul fl-ewwel anniversarju minn meta kien falla l-kolp ta’ stat. Erdogan qal li minkejja li n-nies li ħarġu jiġġieldu lil min ipprova jwettaq kolp ta’ stat ma kellhomx armi f’idejhom, kellhom l-iktar ħaġa importanti, il-bandiera tal-pajjiż u aktar importanti minn hekk il-fidi. Erdogan qal li min wettaq il-kolp ta’ stat għandu jingħata l-piena tal-mewt u li jilbsu l-uniformijiet ta’ Guantanamo Bay.

Fl-attentat ta’ kolp ta’ stat is-sena li għaddiet mietu mitejn u hamsin ruħ, u ndarbu ‘l fuq minn elfejn. Minn dakinhar lil hawn il-Gvern keċċa mal-mija u ħamsin elf impjegat tal-istat, bil-għan li jneħħi l-għeruq ta’ dawk li appoġġjaw il-kolp ta’ stat. Erdogan qal li jinsab grat għal dawk li rreżistew il-kolp ta’ stat. Erdogan qal li se jkun qed ikisser lit-tradituri tal-pajjiż u wiegħed li meta dawk li wettqu l-kolp ta’ stat jidhru quddiem il-qorti, se jintlibsu l-uniformijiet ta’ Guantanamo. Waqt din il-laqgħa tal-massa, Erdogan kixef monument li jfakkar il-martri ta’ dan l-attentat ta’ kolp ta’ stat, u l-pont fejn sar ħafna ġlied is-sena li għaddiet, qed jissemma għalihom.