Lokali

Varata app bil-għan li tkompli tressaq il-Parlament lejn iċ-ċittadin

Il-Parlament qed ikompli jitressaq lejn iċ-ċittadin bl-użu tat-tekonoloġija moderna. Dan qalu l-Ispeaker Anglu Farrugia filwaqt li ħabbar applikazzjoni ġdida li se tpoġġi online numru kbir ta’ mistoqsijiet parlamentari.

Fl-aħħar snin il-Parlament ħa diversi inizjattivi biex iċ-ċittadini jkunu ferm aktar informati dwar ix-xogħol Parlamentari fosthom applikazzjonijiet elettroniċi biex jitniżżlu fuq il-mobile minbarra sensiela ta’ pubblikazzjonijiet. Dan qalu l-Ispeaker Anglu Farrugia filwaqt li ta rendikont tal-ħidma li saret u anki ħabbar applikazzjoni ġdida magħrufa PQViz li se jkun fiha statistika dwar il-mistoqsijiet parlamentari. Huwa qal li fl-aħħar erba’ snin saru 33,000 mistoqsija li lkoll kellhom tweġiba b’xi mod jew ieħor.

Dr Farrugia qal li l-applikazzjoni l-ġdida qed issir bl-għajnuna tal-Università ta’ Malta u l-MITA. Spjega li l-Parlament issa qed ikun segwit mhux biss miċ-ċittadini Maltin iżda anki minn ċittadini tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, tant li qed ikun ippjanat proġett ta’ traskrizzjoni immedjata mill-Malti għal-lingwi oħra. Ix-xogħol li sar biex tintuża t-tekonoloġija wassal biex il-Parlament jitressaq lejn in-nies u anki tissaħħaħ id-demokrazija fil-pajjiż.

Qal ukoll li huwa ta’ 109 rulings li huma mniżżla f’sitt pubblikazzjonijiet li nħarġu mill-Parlament bl-isem ‘Is-Sedja Titkellem’.