Lokali

Żewġ rapporti fix-xahar ta’ tfal abbużati fuq l-internet

It-taqsima kontra l-bullying qed ikollha medja ta’ żewġ każi fix-xahar ta’ tfal li jispiċċaw abbużati fuq l-internet. F’konferenza li ddiskutiet il-perikli tal-abbuż bl-internet semgħet kif t-tfal qed jispiċċaw abbużati fost oħrajn wara li ttellgħu fuq l-internet ritratti f’pożi indiċenti.

Kull sena fl-Ewropa mal-50,000 ritratt ta’ tfal f’pożi indiċenti jesponu ruħhom fuq l-internet. 70% minnhom ikunu tfal taħt l-għaxar snin u ħafna jispiċċa fil-mira ta’ abbuż. Joanna Buhagiar, li hija ‘Anti-Bullying Guidance Teacher’ qalet lil TVM li bħala unit kontra l-bullying, f’Malta jiltaqgħu ma’ medja ta’ 9 każijiet fix-xahar li tnejn ikun serji.

Qegħdin insibu tfal ta’ 12-il sena li qed jibagħtu ritratti tagħhom nude online. Mingħalihom li r-ritratti se jitħassru għax jaħsbu li se jkunu fuq siti bħal snapchat, però t-tfal dejjem isibu mezzi ta’ kif iduru mas-sistema u jirrekordjaw dawn ir-ritratti. Once li jittellgħu online dawn ma jitħassru qatt u ma tafx fejn jistgħu jmorru,” qalet Joanna Buhagiar.

Is-Sinjura Buhagiar kienet waħda mill-kelliema f’konferenza organizzata mill-Ewroparlamentari Marlene Mizzi bit-tema “Type in Love – Type out Hate.” il-kelliema tkellmu dwar il-perikli diġitali fosthom is-cyber bullying u l-abbużi sesswali fuq l-internet u kif it-tfal jistgħu jiġu protetti minn dawn l-abbużi.

Hija qalet, “Ħafna drabi meta t-tfal jiġu bullied online jħossuhom imbarazzati biex ikellmu lill-ġenituri. Jibdew jistħu. Jibdew jaħsbu li t-tort tagħhom. Allura bħala ġenitur m’għandniex nistennew li jinqala’ xi ħaġa imma għandna nkellmuhom u navżawhom bil-perikli li hemm online.”

Is-Sinjura Buhagiar saħqet li jeħtieġ għarfien anki fost il-ġenituri dwar kif jipproteġu lil uliedhom fid-dinja diġitali.