Lokali

Żieda fil-każi tal-HIV f’Malta

Ċifri tal-awtoritajiet tas-saħħa juru xejriet partikolari fil-mard trasmess sesswalment speċjalment il-virus tal-HIV li jista’ jwassal għall-AIDS. TVM tkellem ma’ Dr Charmaine Gauci li fost oħrajn qalet li kull sena qed jiżdiedu dawn il-każi u bħalissa mat-tliet mitt ruħ qed jingħataw trattament għall-HIV.

Il-promiskwità u l-laxkezza fl-attività sesswali jaħtu għaż-żieda kostanti fil-mard trasmess sesswalment fosthom il-virus tal-HIV li jista’ jwassal għall-marda tal-AIDS. Il-mard trasmess sesswalment jista’ jkun ferm akbar minn dak li juru ċ-ċifri iżda anki l-istatistika tal-awtoritajiet tas-saħħa tindika xejra tiżdied ta’ mard trasmess sesswalment.

Dr Charmaine Gauci, Designate Superintendent tas-Saħħa Pubblika, qalet li meta wieħed jinvestiga l-mard trasmess sesswalment isib li l-imġieba sesswali tal-persuna għandha parti importanti.

“Li naraw nies li jkollhom kuntatt sesswali ma’ iktar minn persuna waħda; nies li jkollhom kuntatt sesswali ma’ persuni li lanqas biss jafu min huma; kuntatt ma’ persuni mingħajr l-użu ta’ protezzjoni u anki hemm sitwazzjonijiet fejn inti jkollok atti sesswali taħt l-influwenza tal-alkoħol jew drogi. Jekk tħares lejn każi ta’ HIV, qiegħdin naraw stampa fejn il-maġġoranza tal-każijiet li qed ikollna huma bejn dawk l-irġiel li jkollhom sess mal-irġiel,” qalet Dr Gauci.

Dr Gauci żiedet tgħid li hawn mat-tliet mitt persuna li qed tingħata trattament kontra l-HIV biex il-virus ma jiżviluppax fil-marda tal-AIDS. Qalet li dan it-trattament jiswa lill-pajjiż mal-€1,000 fix-xahar għal kull persuna.

Dr Gauci qalet li huwa mportanti li jittieħdu l-prekawzjonijiet kontra dan il-mard u li jsiru t-testijiet ħalli f’każ ta’ infezzjoni wieħed jiehu l-kura biex inaqqas ir-riskju li l-infezzjoni tal-HIV tinbidel f’AIDS.

Iċ-ċifri tal-awtoritajiet tas-saħħa juru li s-sena l-oħra kien hemm 59 każ tal-HIV u fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena diġà nstabu 29 każ ieħor. L-istatistika tirreġistra biss il-każijiet ta’ dawk li jkunu għamlu t-testijiiet u turi wkoll il-każi ġodda ta’ AIDS.

Fl-aħħar tliet snin kienu iktar numerużi l-każi ta’ dan il-mard fuq persuni omosesswali. L-istatistika turi wkoll li hemm mard ieħor trassmess sesswalment.

“Għandek dak il-mard bħal Chlamydia u Gonorrhoea li dawk inti tista’ tagħti kors ta’ antibiotics, jekk taqbadhom minn kmieni u dawn ifiequ, però irridu niftakru wkoll li jekk ma jiġux trattati, jista’ jkollhom konsegwenzi gravi anki fosthom per eżempju, aktar ma tikber il-persuna u aktar ma jgħaddi ż-żmien jista’ jkun hemm ukoll infertilità.”

L-aqwa arma kontra t-trasmissjoni ta’ dan it-tip ta’ mard hija l-istil u l-imġieba tal-persuna fil-ħajja sesswali tiegħu waqt li t-tieni l-aktar arma importanti huma t-testijiet li jsiru bl-akbar kunfidenzjalit à fil-GU Clinic tal-isptar Mater Dei (Tel: 21227981).