Futbol internazzjonaliFutbol lokali

Birkirkara FC ma jingħatawx il-liċenzja tal-UEFA 

RAPPORT – Rodney Vassallo.. RITRATT – Joe Borg

Uffiċjalment tintemm hawnhekk 20 sena rappreżentanza fil-football Ewropew sena wara l-oħra għall-klabb ta’ Birkirkara.

Birkirkara FC ma ngħatawx il-liċenzja tal-UEFA liema deċiżjoni mistennija tiġi appellata.

Il-klabb Karkariż huwa l-uniku klabb minn fost dawk li applikaw għall-liċenzja tal-UEFA li kellhom l-applikazzjoni tagħhom rifjutata.

Din l-aħbar qed titqies bħala daqqa kbira għall-football Malti hekk kif Birkirkara mhux biss kien il-klabb li fl-aħħar snin ġab l-aħjar riżultati fl-Ewropa, iżda l-uniku wieħed li kkompeta u rrapreżenta lil Malta sena wara l-oħra f’dawn l-aħħar għoxrin sena.

Filfatt kien lura fl-istaġun 1997/98 li Birkirkara ħadu sehem l-ewwel darba fl-Ewropa u dakinhar kienu ġew eliminari fl-ewwel round ta’ Kwalifikazzjoni tat-Tazza UEFA mil-Islovakki ta’ Spartak Trnava.

L-aħħar żewġ staġuni kienu fantastiċi għall-klabb Karkariż fl-Ewropa, żewġt isjuf ilu bir-rebħa storika fuq West Ham qabel eliminazzjoni bil-penalties kontra l-istess Hammers fit-Tieni Round ta’ Kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa League wara li fir-round ta’ qabel kienu eliminaw lill-Armeni ta’ Ulisses, is-sajf li għadda fl-istess UEFA Europa League, Birkirkara sar l-ewwel klabb Malti li kkwalifika minn żewġ rounds ta’ kwalifikazzjoni wara li eliminaw lil Bożnijaċi ta’ Siroki, segwa s-suċċess bl-eliminazzjoni tal-Iskoċċiżi ta’ Hearts, qabel mal-Maltin sfaw eliminati fit-tielet round mill-qawwa ta’ Krasnodar tar-Russja.