Futbol lokali

FA Trophy – Ħamrun Spartans jirbħu f’Għawdex u issa jiltaqgħu ma’ Mqabba fir-Raba Round

hammmm

RAPPORT – Peter Cossai

FA Trophy 2016/2017 – Tielet Round
Nadur Youngsters ….. 0
Ħamrun Spartans …… 2
Ħamrun Spartans avvanzaw għar-round li jmiss tal-FA Trophy wara li f’partita bilanċjata fil-Gozo Stadium huma għelbu lil Nadur Youngsters 2-0, b’doppjetta fit-tieni taqsima għaż-żagħżugħ Jake Grech.

L-ewwel periklu ħolquh Nadur wara żewġ minuti bi freekick ta’ dos Santos li għadda ftit barra. Ħamrun wieġbu b’xutt ta’ Giusti (19m) li wkoll għadda barra: u bi freekick minn barra l-kaxxa ta’ Jake Grech (24m) li l-goalkeeper tal-Youngsters Grima dawwar għal corner

Erba’ minuti mill-mistrieħ, Nadur mill-ġdid perikolużi: xutt bid-dawra ta’ Milos Stojanovic, Cassar itir minn tulu biex jilqa’: biex l-ewwel taqsima għalqet 0-0.

Ħamrun ħadu biss 4 minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima biex fetħu l-iskor: Jake Grech dendel freekick fil-kaxxa u għalkemm il-ballun deher jixxellef kemm kemm, il-goal ingħata lill-istess captain tal-Ispartans.

Fl-ewwel reazzjoni mit-team Għawdxi, Milos Stojonavic daħal tajjeb fil-kaxxa (55m) imma ra x-xutt imkaxkar tiegħu jgħaddi jħakkek mal-lasta.

(66m) Nadur ipprotestaw għal penalty meta dos Santos waqa’ fil-kaxxa issikkat minn difensur Ħamruniż imma r-referee Glen Tonna ħalla l-logħob għaddej. Tliet minuti wara Cassar laqa’ tajjeb fuq Antunes.

Fit-80 minuta Ħamrun kellhom fejn jirduppjaw meta Giusti daħal fil-kaxxa żmarkat imma Grima mblokka minn taħtu. Ftit wara (83m) reġa’ kien Giusti li avvanza minn nofs il-ground f’azzjoni personali, Grima għal darb’oħra attent u salva għal corner.

Nadur għal ftit ma ġabux id-draw fit-tieni minuta ta’ ħin miżjud meta ngħataw freekick minn barra l-kaxxa: Antunes ixxuttja għar-rokna imma David Cassar dawwar f’corner.

Biex f’kontrattakk fl-azzjoni li segwiet, Ħamrun issiġillaw il-kwalifikazzjoni meta Jake Grech daħal fil-kaxxa waħdu u faċilment għeleb lil Grima għat-2-0 finali.

Fir-raba’ round tal-FA Trophy li jintlagħab bejn it-Tlieta u l-Erbgħa tal-ġimgħa d-dieħla, Ħamrun Spartans issa jiltaqgħu mat-team tal-ewwel diviżjoni Mqabba. Fost is-sittax-il team li fadal f’dan l-istadju hemm l-Għawdxin ta’ Għajnsielem u SK Victoria Wanderers.

Iż-żewġ timijiet bdew b’din il-formazzjoni:

Nadur Youngsters – Mark Grima, Josef Buttigieg, Darko Stojanovic, Charles Hili, Ronaldo da Silva, Saviour Attard (capt.), Samuel Muscat, Milos Stojanovic, Claudio Antunes, Dewide dos Santos, Michael Zerafa

Ħamrun Spartans – David Cassar, Saturday Nanapere, Philip Chircop, Luke Sciberras, Jorge Mesqueu Neto, Massimiliano Giusti, Luke Grech, Manolito Micallef, Jake Grech (capt.), Luis Miguel Vergara Rodrigues, Patrick Jean Teixeira Maia

Sostituzzjonijiet:
72min Joseph Grima minflok Samuel Muscat (Nadur)
76min JP Mifsud Triganza minflok Teixeira (Ħamrun)
81min Trevor Cilia minflok Massimiliano Guisti (Ħamrun).