Futbol lokali

FILMAT Gozo Football League – rebħiet għaż-żewġ sfidanti ewlenin.. Nadur Youngsters u Xewkija Tigers 

FILMATI – CVC.. RITRATT – Gozo Football League u Xewkija Tigers Facebook Page 

Fl-ewwel żewġ logħbiet mill-għaxar ġurnata tal-Kampjonat Għawdxi BOV Gozo Football League l-Ewwel Diviżjoni Nadur Youngsters u Xewkija Tigers għelbu liż-żewġ timijiet fl-aħħar żewġ postijiet fil-klassifika biex baqgħu jaqsmu l-ewwel post fil-klassifika.

Nadur Youngsters …….. 4
SK Victoria Wand ……… 0
Nadur Youngsters kisbu tlett punti meritati wara rebħa ta’ erbgħa b’xejn fuq SK Victoria Wanderers.
Fetħu l-iskor fit-tnejn u tletin minuta minn Ronaldo Da Silva wara free kick ta’ Dewide Dos Santos.
Huma rduppjaw mas-siegħa logħob b’lob ta’ Dewide Dos Santos, biex fid-disgħa u sebgħin minuta Claudio Antunes kabbar il-vantaġġ b’xutt fil-baxx wara inizjativa personali.
Fil-ħamsa u tmenin minuta Nadur skurjaw ir-raba’ gowl meta Dewide Dos Santos kellu xutt mill-viċin salvat parzjalment mill-gowlkeeper, iżda l-istess attakant Brażiljan ikkonkluda bit-tieni tentattiv.

Xagħra United ……. 0
Xewkija Tigers ……. 2
Xewkija Tigers sabuha aktar difiċli milli mistenni kontra t-tim fl-aħħar post Xagħra United u kellhom jistennew sal-aħħar disa minuti tal-partita biex rebħu 2-0.
Marru fil-vantaġġ fil-wieħed u tmenin minuta minn Rodney Buttigieg qabel ma’ aċċertaw ruħhom bit-tieni gowl fit-tmienja u tmenin minuta meta Dene Shields l-ewwel kellu tentativ imblukat mid-difiża, iżda mir-rebound l-attakant Skoċċiż għeleb lil gowlkeeper ta’ Xagħra United.

Fil-klassifika Xewkija Tigers u Nadur Youngsters saħħew l-ewwel post bi tnejn u għoxrin punt kull wieħed, Għajnsielem sbatax, Kerċem Ajax sittax, Oratory Youths għaxra, Victoria Hotspurs tminja, SK Victoria Wanderers sebgħa u fl-aħħar post Xagħra United b’żewġ punti. Għajnsielem, Kerċem, Oratory u Victoria Hotspurs għandhom logħba anqas.

Klassifika – GFA BOV Gozo Football League l-1 Diviżjoni
Lagħbu Punti
Xewkija Tigers 10 22
Nadur Youngsters 10 22
Għajnsielem 9 17
Kerċem Ajax 9 16
Oratory Youths 9 10
Victoria Hotspurs 9 8
SK Victoria Wanderers 10 7
Xagħra United 10 2