Futbol lokali

Hibernians bi żjara għand il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni

Hibernians FC, iċ-champions tal-futbol Malti, illum wara nofsinhar kellhom żjara ta’ kortesija għand il-Prim Ministru Joseph Muscat, f’Kastilja u għand il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, f’Tal-Pietà.

Hibernians taw flokk tal-klabb bħala tifkira liż-żewġ mexxeja, wieħed bil-kunjom Muscat u l-ieħor bil-kunjom Busuttil. Tony Bezzina, President ta’ Hibernians, irringrazzja lill-Prim Ministru u lill-Kap tal-Oppożizzjoni tal-istedina u awgura lit-tnejn li huma suċċess f’din il-kampanja elettorali.

Il-Prim Ministru Muscat awgura lit-tim tal-Hibernians mhux biss għal dan is-suċċess iżda anke għax qed ikompli jwettaq aktar investiment infrastrutturali hekk kif se jagħmlu grawnd ieħor viċin dak eżistenti.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil laqa’ fid-Dar Ċentrali lil Hibernians, fl-okkażjoni tar-rebħ tat-12-il kampjonat fl-istorja.

Preżenti wkoll għal din il-laqgħa, il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq ir-raba’ distrett flimkien mal-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Isport David Agius.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista feraħ lil Hibernians għal dan is-suċċess fejn qal li din ma kinitx l-ewwel darba li laqa’ lit-tim minn Raħal Ġdid wara xi suċċess fil-futbol.