Waterpolo

FILMAT: Malta b’rebħa storika fuq it-Torok fil-Kampjonati Ewropej tal-Waterpolo

Rodney Vassallo jirrapporta minn Belgrad is-Serbja

Malta għelbet lit-Turkija 14-13 wara l-għoti tal-penalties biex ikklassifikat fil-15-il post finali tal-Kampjonati Ewropej tal-Waterpolo f’Belgrad is-Serbja u kisbet l-ewwel rebħa storika f’dan l-ogħla livell tal-waterpolo Ewropew.

malta_turkijaIl-konfront mar għall-penalties wara li l-erba’ sessjonijiet regolari spiċċaw fi draw ta’ 10-10. L-iskors tas-sessjonijiet kienu 3-3, 2-0, 3-5, 2-2, Malta l-ewwel, bit-tieni sessjoni ta’ din il-partita tkun l-ewwel u l-unika waħda mirbuħa minn Malta f’dawn il-Kmapjonati Ewropej.

Il-goalkeeper Nicky Grixti mbagħad salva żewġ penalties għall-wieħed mitluf mill-Maltin għal riżultat finali ta’ Malta 14 Turkija 13.

Fil-ħin regolamentari l-aqwa skorer għal Malta kien Stevie Camilleri b’erba’ goals. Aurelien Cousin skorja tnejn, u wieħed kull wieħed Jerome Gabarretta, Mark Meli, Matthew Zammit u John Brownrigg.

Il-penalties tal-Maltin skurjawhom Mark Meli, Dino Zammit, Jordan Camilleri u Stevie Camilleri: waqt li Niki Lanzon kellu x-xutt tiegħu milqugħ.

Wara l-partita sodisfazzjon enormi fost il-kontinġent mhux inqas il-players li tant stinkaw għal dan il-mument tul l-aħħar xhur.

Malta b’hekk evitat l-aħħar post f’dawn il-kampjonati, bil-logħba mat-Torok tkun l-aħħar wahda mat-Team Nazzjonali għal-captain Niki Lanzon wara servizz ta’ iktar minn tmintax-il sena.

Wara l-partita kowċ Nazzjonali Karl Izzo esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan ir-riżultat miksub frott ta’ ħafna sagrifiċċju f’kampjonati ta’ dan il-livell, u minkejja li l-aspetattivi ma kienux kbar, Malta għalqet bil-kbir b’rebħa bil-penalties kontra t-Turkija.

Għal Malta fost il-protagonisti reġa kien hemm Stevie Camilleri awtur ta’ erba goals biex attwalment huwa ukoll l-aqwa skorer ta’ dawn il-Kampjonati Ewropej.

Malta – Alan Borg Cole, Niki Lanzon, Jerome Gabarretta (1), Nicky Bugelli, Mark Meli (1), Matthew Zammit (1), Stevie Camilleri (4), Jordan Camilleri, John Brownrigg (1), Aurel Cousin (2), Ben Plumpton, Dino Zammit, Nicky Grixti.

Turkija – Atilla Sezer, Mahir Agkurt, Srdan Aksentijevic (3), Oytun Okman (1), Arslan Sutalo (2), Osman Gulenc (2), Cemil Ozbakis (1), Nadir Sonmez, Ali Can Yilmaz (1), Mihajlo Korolija, Halil Beskardesler, Alican Cagatay, Deniz Gksen.