Futbol lokali

MAFA: Valletta St Pauls jibbrillaw u jirbħu l-Christmas Cup

mafa

MAFA Christmas Cup 2016

ROBERT BUSUTTIL

RITRATT: SARAH MARIE BALDACCHINO

Valletta St Pauls żiedu unur ieħor fl-istorja glorjuża tagħhom meta għelbu lil Qormi Hotspurs bl-iskor ta’ 4-1 fil-finali tal-Christmas Cup, f’logħba li huma ddominaw.

Spikka fost l-oħrajn il-player Taljan Denis di Maio, li f’dan l-istaġun qed ikun strumentali b’diversi goals importanti.

Huwa kien ta’ uġigħ ta’ ras kontinwa għad-difiża ta’ Qormi Hotspurs li kellhom jiddefendu sa snienhom sabiex jevitaw aktar goals.

Għaddew biss tliet minuti u minnufih il-Beltin marru fil-vantaġġ. Kien corner mil-lemin bid-difiża Qormija ma tikklerjax sabiex approfitta Denis di Maio illi mill-viċin ma żbaljax.

Dan il-goal żied il-kunfidenza tat-team mill-Kapitali tant illi resqu viċin għal diversi drabi.

Fil-5 minuta azzjoni personali ta’ Di Maio u xutt ta’ dan tal-aħħar impenja lill-keeper Dwayne Camilleri.

Tliet minuti wara, tentattiv ta’ Olumine Osaile għal Valletta spiċċa ftit għoli.

ll-Hotspurs ma bdewx isibu tarf tal-attakk avversarju u fl-20 minuta reġa kien il-goalkeeper Camilleri li salva daqqa ta’ ras ta’ Di Maio wara cross ta’ Elamari.

Ftit minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima, huma kienu żvinturati illi laqtu l-lasta hekk kif Wahad Sadat ra d-daqqa ta’ ras tiegħu taħbat mal-mimduda.

Sabiex l-ewwel taqsima ntemmet bil-Beltin 1-0 minn fuq.

Fit-tieni taqsima, il-pjan tal-logħba ftit inbidel tant illi fil-45 minuta għamluhom tnejn wara li kontrattakk veloċi spiċċa b’Denis di Maio illi ssorprenda lill-goalkeeper b’mossa ferm sabiħa.

It-team tas-St Pauls kompla jiddomina u ma kinitx sorpriża illi skorjaw it-tielet wieħed meta Jawad Musah ipprova xutt mid-distanza illi ħasad lil Dwayne Camilleri.

Bir-riżultat prattikament mitmum, il-coach ta’ Qormi wettaq tibdila hekk kif daħħal jilgħab liż-żagħżugħ Andy Paul Camilleri sabiex jipprova għallinqas inaqqas id-distakk u jagħmel l-iskor aktar rispettabbli.

Fil-fatt dan il-player impressjona ferm u hawnhekk Qormi bdew jersqu aktar lejn il-lasti Beltin tant illi rnexxielhom jiskorjaw il-goal ta’ konsolazzjoni.

Kien proprju Andy Paul Camilleri illi skorja goal tal-istampi meta b’lob perfett xeħet wara Jianiro Camilleri u għamilhom 3-1.

Dan il-goal żied il-kunfidenza fil-Hotspurs u kellu jkun il-keeper Belti illi darbtejn ċaħħad lil lil AndyPaul Camilleri u Jacob Falzon mis-sodisfazzjon tal-goal.

Fit-62 minuta, Qormi Hotspurs ġew imċaħħda minn penalty meta Jacob Falzon kien imwaqqa’ fil-kaxxa minn difensur Belti iżda r-referee ħalla l-logħob għaddej.

Minkejja kollox, Valletta St Paul aċċertaw ir-rebħa finali fis-66 minuta meta għaqqad hat-trick personali wara illi qabbeż minn fuq il-keeper Camilleri.

It-tisfira tar-referee ġabet ferħ kbir mill-players u diriġenti ta’ Valletta illi rebħu unur ieħor f’din l-assoċjazzjoni.

Min-naħa ta’ Qormi, minkejja t-telfa, kellhom is-sodisfazzjon li fl-ewwel staġun tagħhom fil-MAFA waslu sal-finali u taw wirja denja f’din il-finali.

Wara l-partita, il-president tal-MAFA, Twanny Agius, ippreżenta t-tazza lill-captain Belti Claude Camilleri.

Skor finali: Valletta St Pauls 4 Qormi Hotspurs 1

Referee kien Eman Grech.