Futbol lokali

Mifsud jressaq lil Valletta viċin it-titlu

VALL FANS

KAMPJONAT BOV PREMIER 2015/16

VALLETTA ……2

BALZAN………..1

RAPPORT ROBERT BUSUTTIL

Valletta riedu akkost ta’ kollox it-tliet punti minn din il-partita sabiex jirritornaw għar-rebħ filwaqt illi jpoġġu pressjoni fuq ir-rivali tagħhom Hibernians illi kellhom jilagħbu l-ġurnata ta’ wara kontra Birkirkara.

Balzan għadhom ġejjin minn telfa diżappuntanti kontra Hibernians u għalhekk kellhom il-motivazzjoni li jieħdu xi ħaġa minn din il-logħba.

Il-kowċ Oliver Spiteri reġa laqa’ lura lil Clive Brincat fl-iskwadra tiegħu.

Paul Zammit ġie msaħħaħ bir-ritorn ta’ Romeu Romao u Jonathan Caruana għalkemm kellu lil Juan Gill Cruz sospiż.

Qabel il-partita, koreografija mill-isbaħ mill-partitarji Beltin li ġew numerużi għal din il-partita.

Fl-ewwel rawnd kienu Balzan li rebħu lil Valletta 1-0 filwaqt li l-Beltin rebħu l-logħba tat-tieni rawnd bl-iskor ta’ 2-1.

Sa mill-ewwel minuti rajna aggressivita’ kbira ta’ Valletta li ħarġu mal-ewwel fuq l-attakk.

Fis-6 minuta xutt ta’ Claudio Pani seta’ qarraq bil-keeper Balzani Janjusevic iżda dan tal-aħħar wettaq save tajjeb hekk kif tefa’ f’korner.

U ma kinitx sorpriża li Valletta marru minn fuq. Kien fl-14- il minuta meta Federico Falcone xxamplat waħdu kellu ċ-ċans kollu illi jfajjar xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa li Janjusevic ma seta’ jagħmel xejn.

1-0 bil-plejer Arġentin jiskorja l-ħmistax –il gowl tiegħu fil-Premier.

Minuta wara, Valletta jipprotestaw għal penalty meta Michael Mifsud twaqqa’ fil-kaxxa bir-referi tħalli l-logħob għaddej.

Fit-32 minuta, frikik ta’ Pedrinho għal Balzan sab lill-gowlkiper Belti Henry Bonello attent.

Fit-43 minuta, ħarba tajba ta’ Jhonnattann illi naqas milli jqassam lil sħabu l-attakkanti hekk kif iddeċieda li jixxuttja bil-ballun imurlu barra.

Sabiex l-ewwel taqsima tintemm b’Valletta 1-0.

Fl-54 minuta kellna kontrattakk veloċi Belti bil-ġirja tipika ta’ Michael Mifsud illi jixxuttja bil-keeper Janjusevic joħroġ l-aħjar tiegħu meta laqa’ tajjeb.

Minkejja kollox, Balzan baqgħu kalmi u rnexxielhom jiskorjaw il-gowl tad-dro meta Pedrinho għadda through pass eċċellenti lejn is-sostitut Bojan Kaljevic, indeċiżjoni fid-difiża Beltija sabiex l-attakkant Montenegrin jmattar siequ u jixħet fix-xibka għal 1-1.

Għal Kaljevic dan kien it-tieni gowl li skorja fil-Kampjonat.

Fit-78 minuta kellna kross ta’ Calistus għal Valletta u daqqa ta’ ras ta’ Jhonnattann tispiċċa barra.

Dan kien il-preludju tal-gowl Belti. Kien Michael Mifsud li rċieva tajjeb, ġera ġirja hekk kif daħal fil-kaxxa bix-xutt fil-baxx tiegħu jispiċċa fix-xibka.

2-1 u ferħ bla limitu għall-attakkant internazzjonali Malti li wasal għat-12- il gowl tiegħu fil-Premier.

Valletta b’hekk kisbu rebħa ferm prezzjuża, il-ħamsa u għoxrin waħda fil-Kampjonat.

Riżultat finali: Balzan 1 Valletta 2

BOV Plejer tal-Logħba kien Federico Falcone ta’ Valletta.

Referi kienet Esther Azzopardi.