Futbol lokali

Snooker Riga Masters: Borg jikkwalifika wara walkover minn Selby

Il-plejer professjonali Malti tas-snooker Alex Borg ikkwalifika għat-tieni rawnd tar-Riga Masters li se jintlagħab fi tmiem il-ġimgħa fl-Arena Riga, fil-belt kapitali tal-Latvja wara li l-plejer avversarju n-numru wieħed u champion mondjali Mark Selby irtira minħabba raġunijiet personali.

Dan it-tournament hu l-ewwel wieħed tal-istaġun mill-Main Tour organizzat mill-World Snooker Association. It-tournament jibda l-Ġimgħa u jintemm il-Ħadd li ġej filgħaxija meta tintlagħab il-Finali.

Fit-tieni rawnd, Borg issa jiltaqa’ kontra l-plejer Ċiniż Zhang Anda, li fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni li ntlagħab fil-bidu ta’ Ġunju f’Preston, fl-Ingilterra, għeleb lil Allan Taylor bl-iskor ta’ 4-2.

Il-logħba bejn Borg u Anda tintlagħab il-Ġimgħa fis-6.00pm (ħin ta’ Malta) u tkun l-aħjar minn 7 frames.