Waterpolo

Waterpolo: Konferma tal-progress ta’ Sirens hekk kif jirbħu kontra Neptunes

Fi tmiem il-ġimgħa rajna tliet konfermi fil-waterpolo lokali. L-ewwel konferma hi li San Ġiljan se jirbħu l-kampjonat tal- Premier ta’ din is-sena bla tbatija ta’ xejn. Il-Ġiljaniżi huma qawwa u forza naturali f’dan il-kampjonat u ħadd ma jista’ jirbaħ kontrihom, jekk ma tkunx xi off day għal Ivovic, Zammit u sħabhom.

It-Tieni konferma ta’ dan il-kampjonat huma Sirens. Dan it-team minn San Pawl il-Baħar fi tmiem il-ġimgħa rebaħ kontra Neptunes bi skart ta’ żewġ goals. Rebħa li timla’ b’kuraġġ lil ftit partitarji ġenwini li għandu dan it-team u timla’ iktar b’kuraġġ lil ex player tagħhom John Farrugia li tul l-aħħar 15 -il sena dejjem kien hemm fit-tmexxija jew tat-team bħala kowċ jew bħala diriġent fil-kumitat. Il-‘Flashy’ ex player tan-Nazzjonal ukoll jista’ jibda joħlom hekk kif biż-żgħażagħ li tellgħu Sirens jistgħu fi ftit snin oħra jerġgħu iduqu s-suċċessi ta’ żmienu meta hu kien player meta rebaħ l-unuri kollha fil-waterpolo lokali fi żmien meta kien hemm grupp ta’ players ta’ eċċelenza bħal Jonathan Valletta, Walter Degiorgio, Karl Montfort, Paul Privitera, Chris Cauchi, Caruna Dingli u oħrajn.

It-Tielet konferma fil-waterpolo lokali hi l-bilanċ assolut li hemm fil-kampjonat tal-ewwel diviżjoni. Ikun qed jinħeba wara l-verita’ min ma jammetiex li l-kampjonat tal-ewwel diviżjoni ta’ din is-sena hu isbaħ mill-Premier. L-iktar li impressjonaw huma Birżebbuġa u Marsaxlokk. L-għażla tal-barranin f’dan il-kampjonat minn kull team kienet għażla vera tajba. Players bħal Marko Jelaka, Sergi Mora, Balazs Sziranyi u Zjelko Kovacic fil-kampjonat tal-ewwel diviżjoni f’Malta huma konferma ta’ waterpolo ta’ livell għoli anke d’din id-diviżjoni.

Riżultati ta’ tmiem il-ġimgħa:

Kampjonat BOV Premier

San Ġiljan TUM Invest 13 – Exiles Jetfreight Services 7

Neptunes Leo Vegas 6 – Sirens ASC 8

Sliema Frank Salt Real Estate 8 – Valletta United 7

Kampjonat BOV l-1 Diviżjoni

Otters Nivea 8 – Birżebbuġa 8

Marsaxlokk Fischer 7 – Ta’ Xbiex Amigos 2