Local Sports

Wirja fotografika mill-Għaqda Ġurnalisti Sports b’kollaborazzjoni ta’ ILab

aips sponsors

L-Għaqda Ġurnalisti Sports b’kollaborazzjoni mal-kumpanija ILab Photo Ltd se torganizza wirja fotografika bis-sehem ta’ wħud mill-aqwa fotografi sportivi lokali.

Il-wirja se tittella’ taħt il-patronċinju tal-Onor. Anġlu Farrugia M.P., Speaker tal-Kamra tad-Deputati u ser tittella’ fil-intrata tal-Parlament ta’ Malta bejn it-Tlieta 21 ta’ Frar u l-Erbgħa 8 ta’ Marzu 2017.

Fil-wirja se jiġu esibiti madwar 75 ritratt meħuda minn ħdax-il fotografu li huma membri tal-Għaqda Ġurnalisti Sports. Ritratti li jkopru sensiela ta’ dixxiplini u avvenimenti sportivi lokali u internazzjonali ta’ dawn l-aħħar xhur jew snin.

L-istampar u t-tfassil  tar-ritratti sar kollu kemm hu mid-ditta ILab Photo ta’ Hal Qormi. Xogħol professjonali li kompla jagħti aktar valur lil din il-wirja. Il-Wirja hi parti mill-programm li ġie mfassal mill-Għaqda Ġurnalisti Sports fl-okażjoni tal-Laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Ewropa li se jiltaqa’ f’Malta bejn nhar it-Tnejn u t-Tlieta.

Din l-attivita’ se tkun qed tittella’ fl-istess ġranet meta f’pajjiżna se jkun qed jitlaqqa’ l-ezekuttiv tal-AIPS Europe, li hija l-assocjazzjoni ewropeja tal-ġurnalisti sportivi.

Il-ftuħ uffiċjali se jsir nhar it-Tlieta 21 ta’ Frar 2017, mill-Onor. Speaker tal-Kamra tad-Deputati, Parlament ta’ Malta, fil-preżenza tas-Sur Lev Rossoshik, Viċi President tal-AIPS Europe.

Il-pubbliku huwa mħeġġeġ sabiex iżur din il-wirja fil-Parlament ta’ Malta bejn 09.30 ta’ filgħodu u l-17.00 ta’ wara nofsinhar,  is-Sibtijiet u l-Ħdud bejn 09.30 ta’filgħodu u 12.30 nofs siegħa.