Lokali

Aġġornat: Ryan u Jaime jirreġistraw l-ewwel żwieġ gay f’Malta

Ryan+Jaime

Il-koppja Ryan Pisani u Jaime Banuelos naqqxu isimhom bħala l-ewwel koppja li rreġistrat uffiċjalment iż-żwieġ gay tagħhom f’Malta, jinsab informat tvm.com.mt

Huma għamlu dan it-Tlieta li għadda fid-Dipartiment tar-Reġistru Pubbliku, il-Belt Valletta.

Ryan, Malti mwieled il-Kanada u Jaime mwieled il-Messiku, iżżewġu fl-20 ta’ April 2013 f’Toronto, il-Kanada fejn iż-żwieġ bejn koppji tal-istess sess huwa rikonoxxut mill-istat.

Madankollu, f’kumment ma’ tvm.com.mt, Ryan u Jaime ħassew li kellhom jirreġistraw ukoll iż-żwieġ tagħhom f’pajjiżna wara li l-Parlament Malti introduċa l-liġi tal-Unjoni Ċivili f’Malta fl-14 ta’ April li għadda.

Fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook, Ryan qal li hu u r-raġel tiegħu Jaime kienu qegħdin jagħmlu l-istorja hekk kif irreġistraw l-ewwel żwieġ gay f’Malta. Huwa wera l-apprezzament tiegħu għall-impjegati tad-Dipartiment tar-Reġistru Pubbliku għalkemm qal li din kienet xi ħaġa għal kollox ġdida għalihom.

L-ewwel Unjoni Ċivili għall-14 ta’ Ġunju

Intant l-ewwel ċerimonja ta’ unjoni ċivili bejn koppja tal-istess sess f’pajjiżna se tkun qiegħda ssir fl-14 ta’ Ġunju li ġej. Fl-aħħar jiem ir-Reġistru Pubbliku beda jilqa’ l-ewwel applikazzjonijiet mingħand koppji tal-istess sess wara li fl-14 ta’ April li għadda, il-Parlament Malti għadda mill-istadju tat-tielet qari l-liġi storika tal-Unjoni Ċivili. Din l-ewwel ċerimonja se tkun qed issir proprju fir-Reġistru Pubbliku l-Belt Valletta.

Fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook, Cyrus Engerer qal li r-Reġistru Pubbliku beda jirrikonoxxi żwiġijiet bejn koppji tal-istess sess li saru barra.

Din il-liġi qed tagħti lill-koppji tal-istess sess l-istess drittijiet u obbligazzjonijiet daqs kull koppja oħra u li ma setgħux igawdu.

Il-liġi tal-Unjoni Ċivili ma kinitx nieqsa mill-kontroversja politika hekk kif tul id-dibattitu li sar dwarha, il-Partit Nazzjonalista ħa pożizzjoni differenti fir-rigward tal-adozzjonijiet minn kopji tal-istess sess u astjena fil-vot aħħari. Il-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil qal li fejn jidħlu adozzjonijiet minn persuni gay kellu jkun hemm studju dwar l-impatt. Huwa qal li persuna omossesswali setgħet tadotta u li għalhekk qal li l-mistoqsija hi jekk koppja gay tistax tadotta jew jekk dan għandux ikun sanzjonat mil-liġi.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li ma setax jifhem xi gwadann politiku l-Partit Laburista għamel b’din il-liġi meta skont l-Oppożizzjoni 80% tal-poplu huwa kontra din il-liġi.  Dr Muscat iżda saħaq li d-deputati kollha tal-Gvern jemmnu f’din il-liġi li hi indirizzata għall-minoranza, iżda mhux biss. Qal li l-Partit Laburista xtaq li din il-liġi ilha li għaddiet iżda ma kienx fil-Gvern għall-aħħar 25 sena u li issa l-poplu Malti kollu qed jgħix f’pajjiż aktar ugwali u liberu, f’Malta li tħaddan l-ugwaljanza. Dr Muscat qal li l-vot fil-Parlament hu fuq prinċuipju bażiku: l-ugwaljanza u hu pass lejn Malta aktar ugwali.

Rappreżentanti tal-kunsill konsultattiv li fasslu l-abbozz qalu li din il-liġi se toffri l-istess ħarsien lil koppji b’orjentazzjoni sesswali differenti ugwalment għal koppji miżżewwġa, bl-uniku differenza li l-abbozz se jissejjaħ unjoni ċivili minflok żwieġ.

 

Share this Story