Lokali

Sport għal-Lokalità

Stefan Buontempo

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-iSport, Stefan Buontempo qal li fil-ġimgħat li ġejjin se tiġi mnedija skema “Sport għal-Lokalità”.

Waqt laqgħa mar-rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, s-Segretarju Parlamentari qal li f’din l-iskema l-Kunsilli Lokali se jkollhom rwol ċentrali fejn se jkunu qed jiġu mistiedna biex iressqu l-ideat tagħhom għall-programm sportiv fil-lokalità tagħhom.

Barra minn hekk, se jkunu l-assoċjazzjonijiet sportivi, klabbs u sportivi individwali biex imexxu l-attivitajiet sportivi fil-lokalità tagħhom.

Qal li din l-istrateġija se tippermetti li l-attivitajiet sportivi li jsiru jkunu ffukati fuq ir-realtajiet tal-komunita’ rispettiva.

Is-Segretarju Parlamentari Buontempo semma wkoll li l-għajnuna finanzjarja ser tingħata skont il-popolazzjoni tal-lokalità u ser ikunu eliġibbli kemm il-Kunsilli Lokali kif ukoll il-Hamlets.  

M’hix eskluża li numru ta’ Kunsilli Lokali jingħaqdu flimkien biex itellgħu attivitajiet sportivi.

Waqt il-laqgħa kienu diskussi wkoll oqsma oħra fosthom l-iskemi ffukati għall-għaqdiet taż-żgħażagħ li huma amministrati mill-Aġenzija Żgħażagħ.

Share this Story