Franza: Aktar min-nofs is-sodod fl-isptarijiet mimljin pazjenti bil-Covid-19

Fi Franza bejn ilbieraħ u llum mietu 257 persuna bil-Covid-19. L-ammont ta’ persuni mejta bil-virus issa qabeż il-ħamsa u tletin elf fil-pajjiż.

Fl-aħħar erbgħa u għoxrin siegħa ġew irrapportati iktar minn 26,700 każ ġdid ta’ persuni infettati bil-virus. L-għadd ta’ persuni li ddaħħlu l-isptar ukoll qegħdin jiżdiedu. L-awtoritajiet tas-saħħa qed jistmaw li iktar min-nofs is-sodod fl-isptarijiet kollha fil-pajjiż huma okkupati minn pazjenti morda bil-virus.

L-awtoritajiet tas-saħħa qed iwissu li l-pajjiż jeħtieġ li jmur għat-tieni lockdown biex jirnexxielu jrażżan il-pandemija. Il-President Franċiż, Emmanuel Macron, issokta bil-laqgħat mal-awtoritajiet dwar il-possibbiltà li jiddaħħlu miżuri ġodda biex titrażżan l-imxija tal-virus fil-pajjiż.