Lokali
Is-swieq jistennew id-diskors tal-President tal-Bank Ċentrali

Muniti

L-ewro qed ikun negozjat ‘il fuq minn $1.1950 u b’hekk estenda ż-żidiet u qed ikun negozjat bl-ogħla rata fi tliet ġimgħat.

Is-swieq laqgħu bil-ferħ iċ-ċifri dwar inflazzjoni baxxa mill-Istati Uniti u qed jistennew diskors mill-President tal-Bank Ċentrali Ewropew Christine Lagarde (ritratt) u miċ-Ċermen tal-Federal Reserve Jerome Powell waqt li qed iħarsu wkoll lejn l-iżviluppi dwar il-vaċċin.

L-istituti ekonomiċI fil-Ġermanja se jirrevedu t-tbassir għat-tkabbir ekonomiku għal din is-sena minn 4.7% għal 3.7% minħabba l-fatt li r-restrizzjoni dwar il-coronavirus baqgħu fis-seħħ aktar milli kien maħsub.

L-isterlina tinsab fil-livell ta’ $1.38 hekk kif id-dollaru jibqa’ taħt pressjoni flimkien mad-dħul mill-bonds tat-Teżor Amerikan.

Il-kampanja ta’ tilqim b’suiċċess fir-Renju Unit qed isaħħaħ l-Isterlina. Huwa mistenni d-diskors tard illejla ta’ Jonathan Haskel membru tal-bord tal-Bank of England.

Indiċi

Id-Dow Jones kien qed jiżdied bi kważi nofs punt perċentwali qabel id-diskors ta’ Jerome Powell tard illejla.

L-investituri inizjalment dehru li ma riedux jidħlu f’xiri qawwi waqt li qed jistennew iċ-ċifri finanzjarji tal-kumpaniji għall-ewwel kwart tas-sena.

Il-FTSE 100 kien qed jikkompeti sewwa mad-Dow Jones b’żidiet simili. L-Ewropa kienet qed tinnegozja b’mod pożittiv waqt li t-Topix tal-Ġappun kien f’territorju negattiv. L-indiċi Malti wkoll kien negattiv.

Ishma

Xi ishma lokali llum kellhom bidliet qawwi bi tnejn ikollhom moviment ta’ aktar minn 15%.
Il-Fimbank żdiedu 20% waqt li l-Lifestar tilfu aktar minn 17%.

Bidliet aktar sensibbli kien hemm fil-Bank of Valletta b’żieda ta’ 1% u l-BMIT Technologiesd bi tnaqqisn ta’ 4%. Il-Malta International Airport u l-RS2 Software kienu negozjati bla moviment.

Bonds

Il-movimenti fil-bonds kienu aktar razzjonali bil-bonds ta’ Hili fuq quddiem b’żieda ta’ 1.2%.

L-International Hotel Investments u l-MIDI żdiedu 1% kull wieħed waqt li Smartcare u Merkanti Holding żdiedu nofs punt perċentwali.

Il-bond l-ieħor ta’ Hili li jagħlaq fl-2028 tilef marġinalment waqt li l-Eden Finance tilfu 1%.

Prodotti essenzjali

Il-prezzijiet tal-West Texas Intermediate żdiedu għal $61.00 kull barmil, l-ogħla fl-aħħar ġimagħtejn.

Id-deheb tħabat għal direzzjoni soda u baqa’ fil-firxa tiegħu. Il-prezz tal-fidda kien $25.3, ftit inqas mill-bieraħ.

Din hija ġabra ta’ aħbarijiet finanzjarji miġbura minnn BNF Bank.