Barranin
Barmil ta’ żejt mhux raffinat jiżdied b’aktar minn 1%

Muniti

L-ewro kompla n-niżla lejn id-$1.20 hekk kif il-munita Amerikana, meqjusa bħala waħda sigura, avvanzat. Iċ-Chairperson tal-Federal Reserve, Jerome Powell iddeskriva l-irkupru bħala bil-biċċiet u tħasseb li l-virus qed ikollu wkoll effett ħażin fuq l-investituri.

L-isterlina qed tkun negozjata taħt id-$1.39. Waqt li r-Renju Unit għamel ftehim ta’ wara Brexit mal-Indja, Franza ċaħdet il-bidliet proviżorji dwar il-liċenzji tas-sajd. L-elezzjonijiet reġjonali u lokali fl-Ingilterra flimkien ma’ votazzjoni fl-Iskozja qed jagħmlu pressjoni fuq l-isterlina. Sors ieħor ta’ inċertezza huwa l-avveniment “Super Thursday” mill-Bank of England. Ħafna jistaqsu jekk il-Gvernatur tal-Bank, Andrew Bailey u sħabu hux ser jagħtu xi ħjiel li ser inaqqsu dalwaqt ix-xiri mill-Bank of England ta’ bonds.

Waqt li l-Federal Reserve ma għamilx dan, il-Bank of Canada diġà ħa dan il-pass. Meta wieħed jikkunsidra l-isforz qawwi ta’ tilqim mir-Renju Unit, mossa bħal din ma tistax tiġi mwarba. It-tnaqqis fix-xiri ta’ bonds ikunu pożittiv għall-isterlina, iżda xejn mhuwa ċert qabel ma l-Bank of England joħroġ l-istqarrija tiegħu jumejn oħra.

Indiċi

L-S&P 500 nhar il-Ġimgħa għalaq il-ġimgħa taħt il-limitu ta’ 4,200. B’sessjoni oħra newtrali lbieraħ, xi ekonomisti jemmnu li s-suq għadu b’fażi ta’ konsolidament, li mistennija tkompli. L-ishma kienu aktar baxxi b’mod ġenerali bid-DAX kien l-indiċi maġġuri li tilef l-aktar b’waqgħa ta’ 2%. L-indiċi lokali ukoll innegozja f’territorju negattiv.

Ishma

Fis-suq tal-ishma lokali, l-uniku sehem pożittiv kien il-GO bi 3.5% żieda. L-oħra kollha ġarrbu telf. L-akbar telf kien fl-RS2 Softwre bi 2.56%, l-HSBC b’aktar minn 4% u l-International Hotel Investments bi 8.09%.

Bonds

Is-suq tal-bonds lokali min-naħa l-oħra kellu sessjoni pożittiva b’negozju attiv qawwi. L-ikbar żieda kienet f’ħames bonds u tnejn biss jitilfu li kien l-Edene Finance 2027 u d-Dizz Finance 2026 b’1.44% u 2.23% rispettivament. L-International Hotel Investments u l-Hili Properties kienu fuq quddiem b’żidiet ta’ aktar minn 2%. Żieda inqas iżda aktar minn 1% kienet f’Simonds Farsons Cisk, Cablenet Communications u l-Mercury Projects.

Prodotti Essenzjali

Fis-suq internazzjonali taż-żejt, barmil ta’ żejt mhux raffinat żdied aktar minn 1%, għax l-aħħar data dwar il-manifattura miż-żona ewro u l-Istati Uniti wriet li l-attività fis-settur tal-manifattura kompla jespandi b’pass robust.