Barranin
Bosta investituri marru lejn muniti riskjuż hekk kif Trump żied it-tama għal pakkett ta’ stimulu fiskali kbir

Muniti

Id-dollaru estenda t-telf tiegħu u tbaxxa għall-inqas livell f’sitt ġimgħat wara li l-President Trump kabbar it-tamiet ta’ pakkett ta’stimulu fiskali kbir, u dan wassal biex bosta investituri marru lejn muniti riskjużi.

L-isterlina telgħet għall-ogħla rata kontra d-dollaru f’ġimgħa u żdiedet kontra l-ewro wara li n-negozjatur tal-Unjoni Ewropea dwar Brexit Michel Barnier qal lil parlamentari Ingliżi li għadu possibli ftehim kummerċjali mar-Renju Unit.

Indiċi

L-indiċijiet ewlenin ta’ Wall Street ma kellhom ebda ċaqliq fil-ftuħ hekk kif l-investituri stennew sinjali li l-Gvern Amerikan jista’ jkun qrib ftehim dwar pakkett ta’ għajnuna ieħor biex isostni l-irkupru fraġli tal-ekonomija.

L-ishma Ewropej tilfu llum hekk kif tnaqqis fil-prezzijiet tas-setturi difensivi għelbu l-ottimiżmu dwar riżultati inkorraġġanti mill-kumnpanija ġgantija Nestle u l-manifattur ta’ tagħmir tat-telekomunikazzjoni Ericsson.

L-indiċi ewlieni Ġappuniż ma segwiex l-indiċijiet l-oħrajn, u żdied meta l-oħrajn tilfu, probabbilment minħabba d-differenza fil-ħin. Is-sentiment fl-Ewropa ftit kellu ċans li jinfluwenza lis-suq Ġappuniż, għax l-Asja kienet qed tagħlaq meta sentiment aktar kawt kien qed jirrenja fl-Ewropa.
L-indiċi lokali tilef 0.08% fuq 87 negozju li jammontaw għal tliet kwarti ta’ miljun ewro.

Shares

Fl-ishma lokali, il-Lombard Bank illum żdiedu aktar minn 10%, il-MIDI u l-Malta International Airport ukoll għamlu żidiet notevoli bi 3% u 2% rispettivamwent. F’territorju negattiv kien hemm il-Bankof Valletta tilef kważi 2%. Simonds Farsons Cisk, il-Malta Properties u l-Mapfre Middlesea tilfu bejn 3.5% u 4% each.

Bonds

Fis-sessjoni tal-bonds lokali is-Central Business Centres u l-Hili Finance żdiedu 1.5% u 1.2% rispettivament. L-AX Group, il-MeDirect, Simonds Farsons Cisk u l-Medserv tilfu xi ftit fil-firxa bejn ftit inqas minn 0.75% u ftit aktar minn 1%.

Prodotti Essenzjali

Il-prezzijiet tar-ramm ser jitħabtu biex jiżdiedu s-sena d-dieħla wara rkupru qawwi mix-xokkijiet relatati mal-koronavirus fil-konsumatur kbir globali ċ-Ċina.

Il-prezzijiet taż-żejt tbaxxew illum wara li żieda mhux mistennija fl-inventarji fl-Istati Uniti qajmet tħassib dwar provista żejda kbira u żieda fil-każi tal-COVID-19 kabbru l-biża ta’ waqfien fl-irkupru fid-domanda.

Skont stħarriġ minn Reuters, il-prezz tad-deheb ser ikun fil-medja ta’ inqas minn $2,000 kull uqija s-sena d-dieħla, hekk kif irkupru rekord qed jonqos, għalkemm il-prezzijiet xorta huma mistennija li jilħqu livelli għolja ġodda.