Lokali
Ġurnata negattiva għall-ewro

Muniti

L-ewro bħalissa sejjer lura hekk kif prestazzjoni negattiva tal-ishma qed ikollha effett negattiv fuq l-investituri.

It-Teżor tal-Istati Uniti baqa’ b’riżultati negattivi wkoll għalkemm id-dollaru ma tantx ħass din ix-xejra.

L-ekonomisti ta’ ABN Amro qed jistennew li ż-żewġ muniti jtemmu s-sena fil-livell ta’ 1.15 skont il-prestazzjoni tal-Federal Reserve u prestazzjoni ekonomika Amerikana qawwija.

L-ewro llum ra telf kontra bosta muniti bl-eċċezzjoni tad-dollaru Kanadiż li kien aktar dgħajjef.

L-isterlina kienet qed tipprova tirkupra u ġiet innegozjata għal $1.41 ½ għal kull dollaru Amerikan hekk kif l-eks-konsulent tal-Prim Ministru Dominic Cummings għandu jixhed fil-Parlament.

Ix-xhieda tiegħu tista’ timbarazza lill-Gvern u jkollha effett fuq l-isterlina. Brexit u żieda fil-każijiet tal-Covid fir-Renju Unit ukoll għamlu pressjoni.

Indiċi

Id-Dow Jones Industrial Average llum iċċelebra 125 sena. Kien ippubblikat l-ewwel darba fis-26 ta’ Mejju 1896 minn żewġ ġurnalisti finanzjarji, Charles Dow u Edward Jones.

Dak iż-żmien l-indiċi kien isegwi l-akbar 12-il kumpanija f’kull settur tas-suq tal-istokks fl-Istati Uniti.

Illum kien negattiv mal-ftuħ flimkien ma’ indiċi ewlenin oħra. L-unika eċċezzjoni kien Topix li għalaq kemm kemm pożittiv.

Ishma

Iż-żewġ banek ewlenin kellhom jum pożittiv f’ġurnata kemmxejn negattiva. It-tnejn li huma rreġistraw qligħ ‘il fuq minn 1%.

Il-kumplament tal-ishma fil-grafika juru li n-naħa negattiva hija aktar prominenti.

MIA u Malita tilfu madwar 1% tal-valur tagħhom, b’telf akbar minn RS2 software. Midi u Go rreġistraw l-akbar telf b’2.78% u 3.41% rispettivament.

Bonds

Il-bonds ukoll kienu negattivi b’aktar telliefa minn rebbieħa. Together gaming telgħu ‘l fuq minn 1% fis-sessjoni tal-lum.

It-tabella tal-bonds ukoll tidher aktar negattiva minn dik li rajna għall-ishma. Shoreline bonds tilfu 0.78% u l-bond ta’ Me Direct li jimmaturaw fl-2029 tilfu 1%.

Il-bonds ta’ Hal Mann Vella group tilfu 1½ tal-valur tagħhom. Kien hemm telf ikbar għall-bonds ta’ SD Finance, IHI u Eden. Dawn tal-aħħar tilfu 2½ tal-valur tagħhom.

Prodotti Essenzjali

Il-prezzijiet taż-żejt niżlu b’1% hekk kif l-OPEC u l-alleati tiegħu (OPEC+) qiesu r-ritorn potenzjali taż-żejt tal-Iran.

Dawn l-aħbarijiet finanzjarji kienu miġbura minn BNF Bank.