Ġurnata negattiva għall-prezz tad-deheb

Muniti

L-ewro llum kien taħt pressjoni ta’ sentiment li se jkompli jitbaxxa u kmieni fis-sessjoni Amerikana waqa’ taħt id-$1.1250 għall-ewwel darba minn Lulju 2020.

Id-dollaru qed jissaħħaħ għax l-investituri qed jistennew politika monetarja aggressiva mill-Federal Reserve wara d-deċiżjoni tal-President Joe Biden li jinnomina lil Jerome Powell bħala ċ-ċermen li jmiss tal-Bank.

Min-naħa l-oħra, il-munita unika qed issofri mill-aħħar mewġa tal-coronavirus li laqtet lill-Ewropa partikolarment l-Ewropa tal-Punent.

Lockdowns u restrizzjonijiet diġà bdew iseħħu f’diversi pajjiżi għalkemm hemm oppożizzjoni popolari għalihom.

Indiċi

Is-swieq tal-ishma fl-Itstai sa issa baqgħu reżiljenti minkejja tnaqqis fis-sentiment ta’ riskju globali mqajjem mill-biża’ li l-Ewropa se terġa tidħol f’lockdown.

Waqt li l-ishma Ewropej kbar kienu qed jitilfu fis-sessjoni, id-Dow Jones kien qed jinnegozja b’żieda ta’ 0.7%.

In-Nasdaq 100, magħruf għall-ishma tat-teknoloġija, kien qed juri żieda wkoll ta’ 0.7% fost żidiet qawwija fil-prezz tal-ishma tal-kumpaniji kbar tat-teknoloġija li kollha ħarġu tajjeb mill-pandemija.

In-Nasdaq 100 nhar il-Ġimgħa tela’ aktar mil-livell ta’ 16,500 għall-ewwel darba u anke laħaq is-16,600.

Ishma ta’ kumpaniji li jħajruk tibqa d-dar bħan-Netflix, li ibbenefikaw mill-ingaġġ miżjud meta l-familja qattgħu aktar ħin d-dar matul il-lockdowns, nhar il-Ġimgħa żdiedu fil-prezz.

L-indiċi lokali tilef bi ftit.

Ishma

Fl-ishma lokali l-akbar żieda ta’ 5.66% dehret fl-ishma taċ-Central Business Centres iżda din ma kinitx biżżejjed biex l-indiċi jtemm il-jum pożittiv.

L-International Hotel Investments, li żdied b’1.75%, ukoll ma tax appoġġ lill-indiċi.

It-telf mill-kumpaniji l-kbar, bħall-Bank of Valletta li tilfu 2.3%, kellhom impatt akbar fuq l-indiċi minħabba l-kapitalizzazzjoni tas-suq akbar.

Il-Maltapost u Malita Investment tilfu aktar minn 1%. Il-Harvest Technology tilfu 0.68% l-inqas tas-sessjoni.

Bonds

Il-bonds tal-Mediterranean Investments Holding 2023 kienu fuq quddiem b’żieda ta’ 3.62% u l-Premier Capital żdiedu bi ftit.

F’territorju negattiv il-Mizzi Organisaation u l-Bank of Valletta tilfu inqas min-0.5% waqt li dawk tal-GAP u l-Pendergardens tilfu aktar minn 1% iżda inqas minn 1.5%.

Prodotti essenzjali

Il-prezz tad-deheb illum ma setax isib saqajh wara li nhar il-Ġimgħa kellu l-inqas livell f’ġimagħtejn ta’ $1,839.

Id-dollaru qed iżomm maż-żidiet minkejja titjib fis-sentiment tas-suq hekk kif id-dħul mill-bonds tat-Teżor irkupraw fost l-aspettattivi ta’ tnaqqis mill-istimulu monetarju tal-Federal Reserve.

F’dan l-isfond id-deheb jibqa’ vulnerabbli għal aktar tnaqqis għalkemm l-investituri jistgħu jieħdu n-nofs qabel l-ħruġ ta’ data nhar l-Erbgħa li ġej u l-minuti tal-laqgħa tal-Kumitat Monetarju tal-Federal Reserve.

Dan it-tagħrif kien miġbur minn BNF Bank.