Barranin
Id-deheb iżomm sentiment qawwi – mistenni jkompli jżid fil-prezz

Muniti

Il-pressjoni ta’ xiri dwar il-munita unika Ewropea żdiedet u tellgħet ir-rata tal-ewro kontra d-dollaru għal $1.2070, l-ogħla fi tlett ijiem.

L-isterlina qed tkun negozjata għal madwar $1.39 wara li l-Bank of England ħabbar tnaqqis fix-xiri ta’ bonds, iżda ebda bidla fl-għan ġenerali.

Iċ-ċifri dwar il-qgħad fl-Istati Uniti u l-elezzjonijiet fl-Iskożja huma mistennija. Rifless tad-dgħufija wiesgħa tad-dollaru Amerikan, l-indiċi tad-dollaru kien qed jitlef 0.25%. Min-naħa l-oħra, id-dħul mill-bonds ta’ 10 snin mit-Teżor Amerikan li tilfu kważi 4% fl-ewwel nofs tal-ġimgħa, qed jagħmel irkupru u jillimita ż-żieda fil-prezz tad-deheb għalissa.

Indiċi

L-indiċi ewlenin tal-ishma fl-Istati Uniti fetħu fil-livell qrib l-għeluq tal-bieraħ hekk kif l-investituri jidhru li mhumiex lesti li jixtru waqt li jistennew ir-rapport dwar il-qgħad li joħroġ għada. Id-Dow Jones fetaħ ftit ogħla. L-indiċi ewlenin illum kienu mħallta u bi ftit li xejn direzzjoni. It-Topix kien l-uniku wieħed li żdied, b’1.5%. L-indiċi lokali wkoll kellu żieda tajba.

Ishma

Fil-qasam tal-ishma lokali, dawk tal-FimBank wrew żieda ta’ 23.45%, ferm aktar miż-żieda ta’ 8.8% fl-International Hotel Investments. Kien hemm żieda modesta ta’ ftit aktar min 1% fil-Harvest Technology u l-Bank of Valletta, fejn dan tal-aħħar ħabbar profitti għal kwart tas-sena u aġġornament dwar il-korrispondent tad-dollaru tal-bank. F’territorju negattiv kien hemm il-Malta Intedrnational Airport b’0.8%, l-HSBC b’1.83% u Simonds Farsons Cisk bi 2.56%.

Bonds

Kien hemm erba’ bonds lokali li avvanzaw waqt li tlieta kienu f’territorju negattiv. Ix-Shoreline żdiedu 2%, segwiti minn avvanz ta’ kważi 1% mill-Halmann Vella Group u mill-Hili Finance. Negattivament kien hemm Tumas Investments tilfu ftit aktar minn 1% u Hili Properties b’telf qrib il-1.5%.

Prodotti Essenzjali

Iż-żejt għamel irkupru impressjonanti, bil-Brent jitħabat ‘il fuq minn $70 kull barmil. Hemm diversi fatturi li jidhru li qed iżommu lis-suq lura bħalissa, madankollu xi strateġisti jistennew li l-Brent jibqa’ madwar dan il-prezz matul it-tieni nofs ta’ din is-sena.

Id-deheb illum għalaq f’territorju pożittiv u żamm is-sentiment favuru qawwi. Xi analisti jistennew li l-prezz ser ikompli jiżdied għal fuq minn $1,800 kull uqija.