Id-deheb jitlef fil-prezz tiegħu minħabba pressjoni mill-bonds tal-Gvern Amerikan

Id-dollaru tbaxxa hekk kif id-domanda għal assi siguri battiet minħabba ottimiżmu li l-istimulu fiskali fl-Istati Uniti u t-tilqim ser jqajmu l-irkupru globali. Madankollu, fil-ftuħ tas-swieq finanzjarji Amerikani d-dollaru irkupra kontra xi muniti, primarjament kontra l-ewro u kien qed ikun innegozjat b’żieda ta’ 0.26% kontra l-ewro matul wara nofsinhar.

L-ewro ma kellu ebda bidla kontra l-Isterlina waqt li kien qed jiżdied 0.16% kontra d-Dollaru Awstraljan,  u jiżdied kontra d-Dollaru Kanadiż u l-Yen b’0.18% u 0.15% rispettivament.

Indiċi

L-ishma fl-Ewropa llum kien qrib l-ogħla prezzijiet għal sena hekk kif l-investituri qed jittamaw li stimulu qawwi Amerikan ser jixpruna t-tkabbir ekonomiku globali din is-sena, waqt li l-kumpanija Glencore kienet fuq quddiem irkupru fl-ishma tal-minjiera wara li tat id-dividend. Madakollu lejn għeluq is-sessjoni, b’mod ġenerali l-ishma fl-Ewropa kienu qed ixaqilbu ftit lejn in-negattiv.

L-indiċijiet ewlenin f’Wall Street fetħu f’livell għoli ta’ kull żmien bl-investituri jinvestu f’ishma ekonomikament sensittivi minħabba tamiet ta’ aktar għajnuna fiskali biex tgħin lill-akbar ekonomija fid-dinja tqum mid-daqqa tal-koronavirus.

Id-Dow Jones żdied 0.04% fil-ftuħ, l-S&P 500 b’0.12% u n-Nasdaq b’0.40%.

Ishma

In-negozju fl-ishma lokali llum kien imħallat wara li xi ishma kienu negattivi u oħrajn pożittivi fl-għeluq tan-negozju.

L-RS2 Software kellhom l-akbar telf ta’ 3.74%, segwiti minn Simonds Farsons Cisk b’1.25% u l-PG b’0.98%.F’territorju pożittiv kien hemm il-Bank of Valletta b’0.42%, il-BMIT Technologies b’1.25% u l-Loqus Holdings marru l-aħjar b’żieda ta’  18.75%.

Bonds

Fis-settur tal-bonds lokali, il-Medserv 2020-2023 kellhom l-akbar tnaqqis ta’ 2.50% nbiex għalqu fil-prezz ta’  €97.50.

L-International Hotel Investments 2021 tilfu 1.96% u l-iStivala Group Finance 2029 tilfu 1.07%.

F’territorju pożittiv kien hemm il-Mediterranean Investments Holding 2022 b’0.91%, l-iStivala Group Finance 2027 bi kważi 1%, il-Hudson Malta 2026 avvanzaw b’1.99% waqt li l-Hili Finance Company 2028 marru l-aħjar bi 2.02%.

Il-prezzijiet taż-żejt baqgħu qrib l-ogħla fi 13-il xahar sostnuti minn kesħa li għalqet diversi bjar fl-akbar stat produttiv, Texas, għalkemm iż-żidiet kienu limitati minn ftehim dwar il-paga fin-Norveġja li evita tfixkil fil-provvisti fl-Ewropa. Madankollu, il-Brent tilef xi żidiet matul wara nofsinhar.

Il-ħruġ globali tal-vaċċini kontra l- Coronavirus li qajjem aspettattivi ta’ irkupru fl-ekonomija globali u d-domanda għaż-żejt żamm il-prezzijiet fuq livell tajjeb fl-aħħar jiem.

Il-prezz tad-deheb tilef 1.53% minħabba pressjoni mill-bonds ewlenin tal-Gvern Amerikan. Id-deheb huwa meqjus bħala assi soda kontra l-inflazzjoni li mistennija tinħoloq minn stimulu massiċ, iżda dħul akbar mill-bonds sfida dan l-istatus għax żied l-kost ta’ opportunità tad-deheb.