Id-deheb jitlef fil-valur… il-fidda iktar

Muniti

L-ewro u d-dollaru żammew f’livell ta’ 1.1600 hekk kif id-dollaru qed jissaħħaħ kontra l-muniti ewlenin.

Is-sentiment tas-suq iċċajpar matul is-sessjoni fl-Asja minħabba r-Reserve Bank tal-Awstralja bl-indiċi jinżlu u l-bonds tal-gvern imorru lura wkoll u hekk żdiedet id-domanda għal muniti aktar siguri.

Indiċi

L-indiċi Ewropej tħabtu biex javvanzaw wara l-ħruġ ta’ dejta mħallta mill-Unjoni Ewropea.

Il-kumpanija Markit ħarġet ir-riżultati finali tal-manifattura f’Ottubru.

L-indiċi Ġermaniż ġie rivedut ’l isfel għal 57.8 minn 58.2 waqt li dak għall-Unjoni kien ikkonfermat fil-livell ta’ 58.3, taħt l-istima preliminari ta’ 58.5.

Skont ir-rapport uffiċjali l-ikbar ostaklu għall-manifatturi Ġermaniżi fil-bidu tal-aħħar erba’ xhur tas-sena huma d-diffikultajiet fil-provvista.

L-Istati Uniti bħalissa għandhom kalendarju makroeknomiku ħafif li jinkludi Ottimiżmu Ekonomiku IBD/TIPP għal Novembru li preċedentement kien ta’ 46.8.

Wall Street mistenni li jiftaħ bi qligħ modest għalkemm mhux mistennija affarijiet kbar għal aktar tard din il-ġimgħa inklużi d-deċiżjoni tal-politika monetarja tal-Federal Reserve u r-rapport tan-Nonfarm Payrolls.

Ishma

Illum ma tantx kien hemm attività fl-ishma għaliex ġew negozjati erbgħa biss u wieħed minnhom żamm l-istess prezz mis-sessjoni ta’ qabel.

L-ishma tal-MIA baqgħu fil-livell ta’ 5.95, bla ebda moviment fil-prezz.

BOV żiedu wieħed punt sebgħa tlieta fil-mija llum u għalqu fil-livell ta’ 0.88.

L-ishma ta’ Go niżlu b’aktar minn nofs punt fil-mija.

L-aktar ishma li raw ċaqliq kienu dawk tal-birrerija li niżlu b’sitta punt sebgħa fil-mija f’sessjoni waħda ta’ 21 sehem għall-valur totali ta’ inqas minn 200 ewro.

Bonds

Illum kienet sessjoni attiva u interessanti għall-bonds fejn erbgħa raw qligħ u tlieta tilfu mill-valur tagħhom.

Il-qligħ kien akbar mit-telf. Fil-fatt il-bonds ta’ IHI kellhom qligħ ta’ 3.5%.

Il-bonds ta’ SP finance telgħu 2.5%. TUM finance u Mercury Projects telgħu bejn 1% u 2%.

Min-naħa l-oħra, bonds ta’ 6pm holdings u BOV tilfu madwar nofs punt fil-mija filwaqt li l-bonds ta’ AX group tilfu 1.22%.

Prodotti Essenzjali

Id-deheb qed jersaq lura u ’l quddiem bla wisq differenza u qed iżomm mal-irkupru preċedenti f’suq kawt.

Il-prezz tad-deheb illum niżel b’1% waqt li l-fidda tilef aktar minn 2% tal-valur tiegħu.