Barranin
Id-Dollaru Amerikan jitbaxxa minħabba l-Coronavirus

Muniti

Id-Dollaru Amerikan tbaxxa wara li l-Federal Reserve baxxa r-rati tal-interessi f’mossa ta’ emerġenza maħsuba biex tkennen lill-aktar ekonomija fid-dinja mill-impatt tal-coronavirus.

Għalkemm il-President tal-Federal Reserve, Jerome Powell, tenna l-fehma tiegħu li l-ekonomija baqgħet b’saħħitha, huwa irrikonoxxa li l-firxa tal-virus kkawżat ħsara materjali lill-prospetti tal-bank ċentrali għat-tkabbir. L-indiċi tad-dollaru, li tkejjel is-saħħa tal-munita kontra sitt muniti ewlenin oħrajn, tilef 0.41% għal 97.13. L-indiċi tbaxxa għall-inqas livell fi tmien ġimgħat ta’ 96.926 wara d-deċiżjoni tat-tnaqqis fir-rati tal-interessi sakemm reġa irpilja. Madankollu, id-dollaru żdied xi ftit llum u kien qed jiġi nnegozjat għal $1.1109 kull ewro, tnaqqis ta’ 0.63%.

L-Isterlina kompliet biż-żidiet kontra d-dollaru aktar dgħajjef wara tnaqqis għall-għarrieda mill-Federal Reserve tar-rati tal-interessi bi tweġiba għall-periklu tal-coronavirus, waqt li investituri huma tal-fehma soda li l-Bank of England ser isegwi din il-mossa.

Indiċi

L-ishma Ewropej żdiedu llum, hekk kif l-investituri qed jittamaw li l-Banek Ċentrali Ewropew u l-gvernijiet taż-żona ewro japprovaw miżuri ta’ stimulu monetarju wara li l-Federal Reserve Amerikan naqqas ir-rati tal-interessi f’mossa ta’ emerġenza. It-tnaqqis ta’ 50 punt bażi ħasad lil Wall Street għax kabbar l-impatt ekonomiku tal-coronavirus u qajjem mistoqsijiet dwar l-effikaċja tal-illaxkar monetarju.

Is-swieq finanzjarji fl-Istati Uniti kienu resqin lejn żieda wara wirja tajba minn Joe Biden fil-primarji tal-Partit Demokratiku ta’ Super Tuesday, bil-prezzijiet fid-Dow jones u l-S&P jirpiljaw madwar 2% mit-telf qawwi tal-jum ta’ qabel.

Ishma

Fis-settur tal-ishma lokali, il-Malta International Airport tilfu bi 2.21%, il-Bank of Valletta tbaxxew b’0.95% u l-GO b’0.47%. F’territorju pożittiv kienu l-BMIT Technologies b’0.92%, il-MaltaPost b’1.56% u l-FIMBank p.l.c. kellu l-akbar żieda dik ta’ 6.42%. L-RS2 Software kienu nnegozjati bla bidla.

Bonds

Fis-sessjoni tal-bonds, it-Together Gaming Solutions 2024-2026 tilfu 0.05% u kien l-akbar bond negattiv illum. In-1923 Investments 2024 żdiedu b’0.49%, l-International Hotel Investments 2026 żdiedu 0.09% u l-Mercury Projects Finance 2027 avvanzaw b’0.01%. Il-Bank of Valletta 2030. It-Tieni Serje, l-Ewwel Ħruġ, il-GAP Group 2023 u l-Hili Finance Company 2029 kollha kienu negozjati bla movement bil-prezz.

Prodotti Essenzjali

Il-prezzijiet tal-Brent żdiedu llum minħabba tamiet qawwiet li l-produtturi ewlenin resqin eqreb lejn ftehim li biex ikun hemm tnaqqis akbar fil-produzzjoni bil-għan li jiġġieldu it-tnaqqis fid-domanda kkawżat mill-imxija tal-coronavirus.

L-Għarabja Sawdija u membri oħra tal-OPEC kienu qed jaħdmu biex jiksbu appoġġ mir-Russja biex tingħaqad magħhom f’aktar tnaqqis fil-produzzjoni biex isaħħu l-prezzijiet li tbaxxew b’wieħed minn kull ħamsa din is-sena minħabba l-coronavirus.

Panel tekniku ta’ bosta rappreżentanti mill-istati membri tal-OPEC, ir-Russja u produtturi oħrajn irrakkomanda li titnaqqas il-produzzjoni b’amdwar 0.6 u 1.0 miljun barmil kuljum matul it-tieni tliet xhur tas-sena biss.

Il-prezz tad-deheb ftit li xejn inbidel, jum wara l-akbar żieda perċentwali minn Ġunju 2016 wara t-tnaqqis b’sorpriża tar-rati tal-interessi mill-Federal Reserve, hekk kif l-investituri stennew aktar direzzjoni minn banek ċentrali u gvernijiet oħrajn.

Aħbarijiet Oħra
Barranin

Id-dollaru kien riesaq lejn l-akbar waqgħa f’ġimgħa f’aktar minn 10 snin hekk kif sensiela ta’ miżuri ta’ stimulu madwar id-dinja, inklużi $2 Triljun mill-Istati Uniti, għenu biex naqqsu t-tħarbita fis-swieq…

Barranin

Muniti Id-dollaru tbaxxa għall-inqas rata f’ġimgħa kontra grupp ta’ muniti wara li dejta wriet żieda bla preċedent fl-Amerikani li marru jirreġistraw għal benefiċju tal-qgħad, hekk negozji madwar il-pajjiż qed jagħluq…

Barranin

Muniti Id-dollaru tilef illum wara li l-politiċi qablu dwar pakkett ta’ stimulu ta’ $2 Triljun li kkalma n-nervi tas-swieq finanzjarji u wassal biex l-investituri jixtru lura muniti aktar riskjużi. Id-dollaru…

Lokali

Din hi ħarsa ħafifa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum it-Tlieta 24 ta’ Marzu 2020. L-Orizzont Fl-ewwel paġna tal-ġurnal l-Orizzont nsibu storja li tgħid li l-għajnuna tal-Gvern lill-intrapriżi se tiżdied. Il-gazzetta…

Aktar