Barranin
Id-dollaru jitfa’ pressjoni fuq id-deheb

Id-dollaru kkonsolida ż-żidiet wara li laħaq l-ogħla rata f’xahrejn u nofs fis-sessjoni preċedenti hekk kif l-investituri stennew ir-riżultat tal-laqgħa tal-politika monetarja tal-Federal Reserve li fiha d-diretturi jistgħu jfasslu l-linji futuri tar-rati ta’ interessi.

Għalkemm is-swieq monetarji ma jistennewx xi bidla fil-politika monetarja tal-Istati Uniti, l-investituri jiflu xi kummenti li jsiru dwar l-impatt tas-saħħa tad-dollaru u d-dħul akbar mill-bonds fuq il-politika monetarja. Kull evidenza ta’ kawtela tista’ twaqqaf l-irkupru tad-dollaru.

L-Isterlina żdiedet u estendiet iż-żidiet minn kmieni fil-ġurnata, hekk kif ħarġet data aħjar milli kien mistenni dwar is-settur tal-kostruzzjoni u din ikkalmat lill-investituri wara bejgħ qawwi tal-munita li baxxiet lill-Isterlina b’5% kontra d-dollaru f’ġimagħtejn.

Id-dollaru Kanadiż ftit li xejn inbidel ma’ dak Amerikan, u tbaxxa mill-ogħla livell f’disat ijiem hekk kif l-investituri qed jistennew id-deċiżjoni Amerikana dwar ir-rati tal-interessi.

Kien hemm żieda fl-ishma Ewropej, mgħejjuna minn rapporti finanzjarji tajbin minn kumpaniji u żieda fl-ishma tat-teknoloġija wara li r-riżultati mill-kumpanija Apple kienu aħjar milli mistennija waqt li l-interess tal-investituri dar lejn iċ-ċifri tal-Prodott Gross Domestiku taż-żona tal-ewro u l-laqgħa tal-Federal Reserve.

Id-Dax kellu żieda ta’ 1.44% kmieni wara nofsinhar; ma kienx hemm tibdil fil-borża Amerikana waqt li t-Topix tilef 0.15%. L-indiċi tal-Borża ta Malta wera żieda għax kien hemm aktar żidiet milli tnaqqis fil-prezzijiet.

Fis-sessjoni tal-ishma, l-International Hotel Investments, żdied b’4%, il-Malta International Airport u l-Malita Investments żdiedu b’aktar minn 1%. Żieda ta’ aktar minn 0.5% kienet fil-PG plc u l-GO. F’territorju negattiv kien hemm l-RS2 Software u l-Malta Properties Compan, b’dawn tal-aħħar jitilfu kważi 4%.

Fis-sessjoni tal-bonds, l-għadd ta’ bonds li tilfu fil-prezz kien akbar minn dawk li żdiedu. L-International Hotel Investments u l-Von der Heyden Group Finance kellhom żieda waqt li ħamsa oħra tilfu. L-aktar li tilfu kienu n-1923 Investments, il-MIDI u l-Premier Capital li kollha tilfu aktar minn 1%.

Il-prezzijiet bil-quddiem taż-żejt Brent tbaxxew u tilfu ż-żidiet bikrin wara evidenza ta’ aktar żidiet fil-produzzjoni taż-żejt shale mill-Istati Uniti u żieda fl-esportazzjoni mill-Iran qabel il-possibiltà ta’ sanzjonijiet Amerikani.

Il-prezz għal Lulju tilef 16-il cents għal $72.64 kull barmil wara li tilef 3% ilbieraħ.

Il-prezz tad-deheb issoda qrib l-inqas f’erba’ xhur hekk kif iż-żieda fid-dollaru waqfet, iżda l-prezzijiet tad-deheb huma mistennija li jibqgħu taħt pressjoni minn dollaru sinifikament aktar b’saħħtu u minn domanda dgħajfa għall-investiment fid-deheb.  Il-prezz spot żdied b’0.4% għal $1,309.34 kull uqija. Il-fidda żdiedet b’aktar minn 1%.

Aħbarijiet Oħra
Barranin

Id-dollaru żdied għall-ogħla rata f’ħames xhur illum hekk kif tnaqqas it-tħassib dwar gwerra kummerċjali bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina, u dan ħajjar l-investituri biex ikabbru s-sentiment favur il-munita Amerikana. L-investituri…

Barranin

L-Ewro llum tbaxxa għall-inqas rata f’ħames xhur għax l-investituri qed juru tħassib dwar it-talbiet tal-partiti populisti li mistennija jiffurmaw gvern fl-Italja u hekk kif żieda ġdida fid-dħul tal-bonds tat-Teżor Amerikan…

Barranin, Lokali

L-ewro baqa’ mwaħħal qrib l-inqas rata wara l-aħbar ta’ tkabbir ekonomiku dgħajjef aktar milli mistenni fil-Ġermanja u żieda fid-dħul mill-bonds tat-Teżor Amerikan għenet lid-dollaru jirkupra wara pawsa fiż-żidiet. Is-saħħa tad-dollaru…

Barranin

Id-Dollaru tbaxxa għall-inqas livell f’ġimgħa hekk l-investituri bdew jiddubitaw jekk l-irkupru tal-ġimgħa li għaddiet li wassal lill-munita Amerikana għall-ogħla livell f’aktar minn erba’ xhur kienx spiċċa. Id-Dollaru żdied hekk kif…

Aktar