Barranin
Id-dollaru llum tbaxxa għall-inqas rata fi kważi xahar kontra l-muniti rivali ewlenin

Id-dollaru llum tbaxxa għall-inqas rata fi kważi xahar kontra l-muniti rivali ewlenin, qabel ma joħorġu ċ-ċifri kruċjali dwar l-impjiegi fl-Istati Uniti li jistgħu jwasslu biex il-Federal Reserve jibda jnaqqas mill-istimulu monetarju. L-indiċi tad-dollaru, li jkejjel lill-munita kontra sitt rivali, ftit inbidel fi 92.207, meta ftit qabel laħaq it-92.15.1 għall-ewwel darba mill-5 t’ Awwissu.

L-ewro ftit li xejn inbidel f’$1.1878 wara li kien laħaq l-ogħla livell mill-4 t’ Awwissu ta’ $1.1884 sostnut mill-ogħla inflazzjoni f’10 snin u kummenti aggressivi mill-uffiċjali tal-Bank Ċentrali Ewropew qabel il-laqgħa dwar il-politika moneterja fid-9 ta’ Settembru.

L-ishma Ewropej tilfu llum qabel ma joħroġ ir-rapport tal-impjiegi fl-Istati Uniti li jista’ jinfluwenza l-politika tal-Federal Reserve, waqt li tħassib ġdid dwar it-tkabbir ekonomiku fiċ-Ċina li qed inaqqas il-pass laqat ħażin lis-sentiment. Banek u servizzi finanzjarji sensittivi għar-rati kienu fost dawk li l-aktar tilfu.

Iż-żieda fl-impjiegi fl-Istati uniti matul Awwissu aktarx li naqqset wara żieda ta’ kważi 2 miljuni fix-xahrejn li għaddew għax żidiet fil-każi tal-Covid naqqsu d-domanda għall-ivvjaġġar u d-divertiment, iżda l-pass kien probabbilment biżżejjed biex isostni l-espanjoni ekonomika.
Iċ-Ċermen tal-Federal Reserve Jerome Powell il-ġimgħa li għaddiet sostna l-irkupru ekonomiku ta’ bħalissa, iżda ma offra ebda sinjali dwar meta l-bank ċentrali Amerikan qed jippjana li jnaqqas ix-xiri tal-assi, aktar milli qal din is-sena.

Il-prezzijiet taż-żejt illum kienu mħallta wara żieda qawwija fis-sessjoni ta’ qabel minħabba dollaru aktar dgħajjef u tnaqqis fil-ħażniet Amerikani, iżda kienu resqin lejn żieda modesta għal din il-ġimgħa qabel ir-rapport tant antiċipat dwar l-impjiegi.

Il-Brent żdied 13-il ċenteżmu jew 0.2% għal $73.16 kmieni dalgħodu waqt li l-United States West Texas Intermediate tilef 4 ċenteżmi jew 0.1% għal $6995. Iż-żewġ prezzijiet ilbieraħ żdiedu 2% sabiex il-West Texas ser jiżdied 1.8% għal din il-ġimgħa b’żieda ta 0.6% għal Brent.

Madwar 1.7 miljun barmil żejt kuljum ta’ produzzjoni jinsabu weqfin fil-Golf tal-Messiku bi ħsara fil-heliports u depots taż-żejt u dan wassal għar-ritorn bil-mod tal-ħaddiema fuq il-pjattaformi offshore. F’bilanċ lejn l-imaptt fuq il-provvista, id-domanda naqset minħabba qtugħ estiż fl-enerġija qed jwasslu għal dewmien fil-ftuħ mill-ġdid tar-raffineriji li kienu ngħalqu f’Louisiana.

Id-domanda ser terġa’ tkun fl-attenzjoni wara li l-OPEC u l-alleati din il-ġimgħa żammew mal-pjan tagħhom li jżidu 400,000 barmil kuljum fix-xhur li ġejjin u minħabba ż-żieda fil-każi tal-Covid.

Kien hemm żieda fil-prezz tad-deheb illum mgħejjun minn dollaru aktar dgħajjef, bl-investituri jistennew ir-rapport tal-impjiegi biex jaraw ir-reazzjoni tal-Federal Reserve dwar it-tnaqqis tal-istimulu. Id-deheb żdied 0.2% għal $1,812.97 u b’hekk tilef 0.2% din il-ġimgħa.