Lokali
Il-BOV jirrikonoxxi lil dawk l-istudenti tal-inġinerija li jeċċellaw fil-proġetti finali tagħhom

Christan Grech u Raisa Chetcuti huma l-ewwel rebbieħa tal-premju tal-BOV għall-Istudenti tal-Inġinerija. Dan il-premju tnieda s-sena l-oħra bħala parti integrali mis-sħubija kollaborattiva tal-Bank mal-Kamra tal-Inġiniera, bil-premju jieħu l-forma ta’ għotja li tingħata lill-istudenti tal-inġinerija, li fil-proġetti tas-sena finali tagħhom, ikun wrew eċċellenza u innovazzjoni fl-oqsma tal-istudji rispettivi tagħhom.

Fl-introduzzjoni qasira tiegħu, l-Inġ. Norman Zammit, il-President tal-Kamra qal li l-inġinier huwa l-katalist tal-bidla. Huwa tkellem dwar il-pożizzjoni tal-Kamra, li taqbel ma’ dik tal-pari Ewropej tagħha, fir-rigward tal-ġlieda bejn il-formazzjoni vokazzjonali u akkademika tal-inġiniera. L-Inġ. Zammit enfasizza li l-formazzjoni tal-inġinier għandha tkun permezz ta’ rotta akkademika, li tkompli tiġi ssostanzjata bl-esperjenza wara l-gradwazzjoni. Huwa qal li huwa biss b’dan il-mod li l-inġinier jista’ jitħejja biex isolvi l-problemi ta’ għada.

Joyce Tabone mill-PR u l-Marketing tal-Bank of Valletta esprimiet is-sodisfazzjon tal-Bank għall-introduzzjoni ta’ din l-għotja għall-istudenti li jippromettu bħala parti mill-kollaborazzjoni bejn il-Bank u l-Kamra. “Din ir-relazzjoni tmur lil hinn mill-appoġġ finanzjarju li l-Kamra tirċievi mingħand il-Bank. Ir-relazzjoni tfisser is-sinerġiji maħluqa, u l-kliniċi edukattivi li jiġu organizzati għall-membri tal-Kamra, sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet aktar infurmati dwar il-futur finanzjarju tagħhom.”

Is-Sa Tabone qalet ukoll li l-introduzzjoni tal-għotja tidħol perfettament fil-fokus tal-Bank fuq l-edukazzjoni bħala parti mir-Responsabbiltà Korporattiva tiegħu. Hija temmet l-intervent tagħha billi stiednet lill-istudenti rebbieħa jaqsmu l-esperjenza tagħhom tal-istudju barra mill-pajjiż u jagħmlu l-kontribuzzjonijiet tagħhom dwar kif ir-relazzjoni tal-Bank mal-Kamra tista’ tissaħħaħ aktar għall-benefiċċju tal-membri tal-Kamra.

Christian Grech huwa gradwat fl-inġinerija elettrika u tal-elettronika, li bħalissa qed jagħmel il-lawrja fil-livell ta’ Ph.D., filwaqt li b’mod attiv jieħu sehem f’kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment tal-Mikroelettronika u n-Nanoelettronika u t-taqsima tal-Kejl Manjetiku tal-Organizzazzjoni Ewropea għar-Riċerka Nukleari (“CERN”). Christian qed jagħmel ir-riċerka dwar l-immudellar manjetiku, l-identifikazzjoni tas-sistemi u l-kejl manjetiku f’ħin reali f’sinkrotroni. Il-proġett ta’ Christian kien jiffoka fuq l-interfaċċi bejn il-bnedmin u l-magni, billi jinvestiga kif jistgħu jikkontrollaw manipulatur ta’ lieva robotika biex tassisti l-moviment ta’ persuni li jkunu tilfu l-użu ta’ driegħ jew riġel partikolari.

Raisa Chetcuti hija r-rebbieħa l-oħra. Bħala gradwata fl-inġinerija mekkanika, il-proġett ta’ Raisa kien iħares lejn l-inġinerija tas-superfiċji tal-azzar inossidabbli ta’ grad tal-impjant biex jimmitiga l-korrużjoni – il-ħsara bl-użu fis-superfiċji ta’ impjanti metalliċi fl-għadam tal-ġenbejn, filwaqt li tiżdied il-lonġevità tagħhom. Raisa bħalissa qed tkompli bl-istudji tagħha fl-aħħar sena tal-Master of Science fl-inġinerija mekkanika. Bħalissa hija qed tistudja l-imġiba tribokorrużiva tal-kisjiet li għandhom jiġu applikati fuq il-ġog tal-ġenb artifiċjali f’kundizzjonijiet li jirreplikaw aktar mill-qrib l-ambjent tal-ġisem tal-bniedem.

Wara l-preżentazzjoni lill-istudenti tal-2016, l-istudenti magħżula għas-sena 2017 għamlu preżentazzjoni ta’ għaxar minuti dwar il-proġett tagħhom. L-istudenti nnominati kienu:

Inġiniera Mekkaniċi:

  • Daniel Aquilina
  • Marlon Attard, u
  • Daniel Farrugia

Inġiniera Elettriċi:

  • Rachel Cauchi
  • Jeanluc Mangion, u
  • Geraldine Mifsud

Inġiniera tal-ICT:

  • Nicholas Bonello
  • Leander Grech, u
  • John Napier

Ir-rebbieħa għal din is-sena se jitħabbru matul il-Konferenza Annwali tal-Inġinerija aktar tard dan ix-xahar.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Muniti L-isterlina baqgħet qrib l-inqas rata fi 13-il xahar, hekk kif l-investituri saħħew il-fehma li d-dollaru ser ikompli jissaħħaħ u minħabba l-inċertezza dwar jekk ir-Renju Unit hux ser jikseb ftehim…

Lokali

Id-dollaru żdied għall-ogħla livell fi 13-il xahar kontra grupp ta’ muniti u kien hemm ukoll żieda tajba fir-rata tal-yen, bis-sentiment tal-investituri għar-riskju jonqos fost tensjonijiet globali kummerċjali li qed jiżdiedu…

Barranin

Muniti Id-dollaru tbaxxa wara li l-ġimgħa li għaddiet laħaq l-ogħla rata f’ġimgħa f’xahar hekk kif l-investituri kabbru s-sentiment għall-ogħla livell mill-2017, għalkemm it-tħassib li l-irkupru ekonomiku jista’ qed imajna wassal…

Lokali

Lidl Malta, the country’s leading supermarket with eight outlets spread around the Maltese Islands, is celebrating its 10 year anniversary. To mark this milestone, the Company organised a number of…

Aktar