Lokali
Il-BOV u l-APS iħabbru r-riżultati finanzjarji għall-ewwel nofs tas-sena

Il-Bank of Valletta ħabbar li fl-ewwel nofs tas-sena għamel qligħ qabel it-taxxa ta’ €25.9 miljun; żieda ta’ €12.1 miljun fuq l-istess perjodu tas-sena l-oħra.

Iċ-Chairman tal-bank; Gordon Cordina, qal li l-ekonomija qed turi potenzjal biex tirkupra permezz tat-turiżmu u attivtajiet relatati miegħu, iżda dan x’aktarx li jseħħ fi stadji gradwali. Qal li waħda mir-riperkussjonijiet fit-tul tar-reżiljenza riċenti tal-ekonomija hija livell ogħla ta’ dejn pubbliku, li jeħtieġ li jiġi mmaniġġjat bir-reqqa fis-snin li ġejjin.

Rigward id-deċiżjoni tal-FATF li tpoġġi lil Malta fil-lista l-griża, Dr Cordina qal li din ma ħoqlot l-ebda tħassib sinifikanti immedjat, grazzi għall-programm ta’ tneħħija tar-riskji implimentat mill-Bank li tħaffef fix-xhur riċenti u li huwa mistenni li jitlesta matul din is-sena.

Intant, fit-tħabbir tar-riżultati finanzjarji tiegħu għall-ewwel nofs tal-2021, l-APS Bank qal li għamel qligħ qabel it-taxxa ta’ €12.2 miljun, li jfisser €3.3 miljun iktar mill-istess żmien tas-sena ta’ qabel.

L-APS qal li dawn ir-riżultati jirriflettu s-saħħa u r-reżiljenza tal-mudell kummerċjali li jħaddan il-bank, fejn kellu viżjoni pragmatika u għamel l-aġġustamenti fil-fażijiet varji tul il-pandemija.