Il-fidda l-iktar li tilef fil-valur matul il-jum

Muniti

L-ewro tbaxxa għall-inqas livell fl-2021 kontra d-dollaru għal $1.655 hekk kif kibret id-domanda għas-sigurtà. Eventwalment żdied u laħaq $1.1632.

Id-dollaru Amerikan kompla bl-avvanz tiegħu matul is-sessjoni Ewropea u żamm iż-żidiet minkejja il-prestazzjoni aħjar tal-indiċijiet Ewropej li bħalissa huma f’territorju pożittiv.

Wall Street kellha l-agħar jum minn Marzu lbieraħ wara li ċ-Ċermen tal-Federal Reserve Jerome Powell wera tħassib dwar inflazzjoni ogħla u ta ħjiel ta’ issikkar tal-politika monetarju fil-futur qrib.

Fl-istess ħin aħbarijiet miċ-Ċina huma ta’ tħassib. Il-kumpanija ġganteska Evergrande ma ħalsitx self ta’ $45.2 miljun wara li ma ħalsitx pagament ieħor il-ġimgħa li għaddiet.

Il-kumpanija għandha 30 jum żmien għal kull pagament u għalhekk tista’ ssir problema jekk is-sitwazzjoni tkompli fil-ġimgħat li ġejjin. L-aħbar żgur tkompli żżid is-sentiment ikrah tas-suq.

Sadanittant id-dħul mill-bonds tat-Teżor Amerikan żamm iż-żieda riċenti u qiegħed 1.52% għal dawk ta 10 snin wara li kien tela’ għal 1.56% l-ogħla minn Lulju li għadda.

Il-Ġermanja ppubblikat l-Indiċi dwar il-prezz tal-importazzjoni għal Awwissu li żdied b’16.5% minn sena għal sena aktar minn dak mistenni.

L-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Unjoni Ewropea għal Settembru tjieb għal 117.8 ukoll aħjar milli mistenni.

L-Istati Uniti ser joħorġu ċ-ċifri tal-bejgħ tad-djar waqt li l-Bank Ċentrali Ewropew se jorganizza għat-tieni jum konsekuttiv il-Forum dwar il-Banek Ċentrali b’diversi kapijiet ta’ banek ċentrali jitkellmu.

Indiċi

L-indiċijiet fl-Ewropa u fir-Renju Unit żdiedu madwar sitta minn għaxra ta’ punt perċentwali u d-Dow Jones sa wara nofsinhar tilef nofs iż-żieda li kien għamel.

L-Indiċi Ġappuniż għalaq negattivament u dak lokali kellha żieda minima.

Ishma

Fil-qasam tal-ishma lokali kien hemm xi volatilità fl-ishma bl-akbar moviment u l-Lifestar żdiedu qrib il-5%.

Il-Medserv min-naħa l-oħra tilfu aktar minn 4%. Il-kumment fuqhom qed isir fuq termini ta’ żidiet jew telf perċentwali u mhux f’termini ta’ volum jew kapitalizazzjoni tas-suq.

Kien hemm żieda ukoll fil-Bank of Valletta u l-BMIT Technologies u tnaqqis fil-prezz tal-PG.

Bonds

Il-bonds kellhom jum pożittiv b’ħamsa juru żieda u tnejn negattivi.

Dawk li tilfu l-aktar kienu l-bonds tal-Bortex qrib it-02%.

L-aħjar li marru kienu l-International Hotel Investments, qrib it-3%, il-MIDI bi 2% segwiti minn tlieta oħra, il-Hal Mann, Exalco u l-GO.

Prodotti essenzjali

Iż-żejt illum tilef 1% waqt li l-fidda tliet darbiet aktar mentri d-deheb żdied bi ftit.

Dan it-tagħrif kien miġbur minn BNF Bank.