Barranin
Il-Gvern Ingliż x’aktarx jissellef qrib 400 biljun lira matul din is-sena finanzjarja

Id-dollaru waqqaf it-tnaqqis tiegħu wara li s-Segretarju tat-Teżor Steven Mnuchin sejjaħ għal tmiem ta’ uħud mis-self federali mdaħħal minħabba l-pandemija u b’hekk fixkel is-sentiment ta’ riskju u ssorprenda lill-investituri li kienu qed joqgħodu fuq l-appoġġ mill-bank ċentrali .

L-ewro kien stabbli kontra l-muniti ewlenin b’żieda żgħira iżda żamm qrib id-$1.19 kull ewro. L-operatur tas-suq finanzjarju, in-Nasdaq qal li ser jixtri l-kumpanija Verafin li taħdem is-software kontra l-kriminalità finanzjarja għal $2.75 biljun fi flus kontanti,u b’hekk kabbar il-firxa tiegħu fis-suq regolatorju tat-teknoloġija.

Ir-Renju Unit issellef rekord 215 biljun sterlina fl-ewwel seba’ xhur tas-sena finanzjarja. Dan juri l-isfida li qed jiffaċċja l-Ministru tal-Finanzi Rishi Sunak hekk kif qed jipprepara pjani għal infiq ġdid. Il-bejjiegħa bl-imnut għandhom quddiem Novembru mċajpar b’ħafna ħwienet magħluqin minħabba l-aħħar restrizzjonijiet minħabba l-pandemija li laqtet lir-Renju Unit ferm aktar minn ekonomija oħrajn.

Il-Gvern Ingliż jinsab fi triq li jissellef qrib 400 biljun lira matul din is-sena finanzjarja, l-akbar self relattiv mad-daqs tal-ekonomija mit-Tieni Gwerra Dinjija ‘l hawn.

L-ishma Ġappuniżi tbaxxew għat-tielet sessjoni konsekuttivia hekk kif żieda fil-każi tal-coronavirus għal-livell rekord, it-tielet mewġa tal-imxija, qajmet tħassib li ser jiddaħħlu aktar restrizzjonijiet fuq l-attività kummerċjali.

L-ishma Ċiniżi għalqu ogħla, immexxija mill-ishma tal-materjali u l-makkinarju u wrew żieda fuq ġimgħa hekk kif l-investituri warrbu l-aħħar default fis-suq tal-bonds u ffokaw fuq l-irkupru ekonomiku usa.

L-ishma fil-Filippini kienu fuq quddiem is-swieq emerġenti Asjatiċi u żdiedu 2.5% wara li l-bank ċentrali tal-pajjiż ħabbar tnaqqis sorprendenti fir-rati tal-interessi biex isostni l-ekonomija domestika li qed titħabat wara xhur ta’ restrizzjonijiet minħabba l-coronavirus.

Il-prezzijiet taż-żejt ftit li xejn inbidlu u jinsabu resqin lejn it-tielet ġimgħa ta’ żidiet, iżda t-tħassib dwar id-domanda minħabba li ż-żieda fil-każi tal-coronavirus f’bosta pajjiżi illimitat iż-żidiet. L-Arabja Sawdija u r-Russja jinsabu jikkompetu bis-sħiħ biex isiru l-akbar fornitur liċ-Ċina matul din is-sena, biż-żewġ pajjiżi jkabbru l-provvista lejn l-ekonomija Ċiniża anke jekk il-pandemija matul din is-sena laqtet ħażin lid-domanda globali għaż-żejt.

It-tnejn fornew 1.7 miljun barmil żejt kuljum kull wieħed bl-Iran jesporta liċ-Ċina 1.2 miljun barmil ieħor.