Il-kumpanija Ċiniża Evergrande mistennija tinqasam fi tlieta biex tevita falliment

Muniti

Ir-rata tal-ewro kontra d-dollaru rkuprat xi ftit għalkemm iż-żieda kienet limitata b’ewro jiswa $1.1720.

Id-dollaru rtira hekk kif l-ishma żdiedu maż-żieda fis-sentiment ta’ riskju wara l-aħbar li l-kumpanija ta’ proprjetà Ċiniża Evergrande aktarx tkun ristrutturata fi tliet entitajiet separati biex tevita falliment u tipproteġi s-sistema finanzjarja tal-pajjiż.

Sadanittant ħarġet l-aħbar li l-mexxejja tal-Bank Ċentrali Ewropew qed jaraw li r-riskju ta’ inflazjoni se jeċċedi t-tbassir li huwa l-qofol sabiex jitnaqqas l-istimulu fl-Unjoni Ewropea minkejja atteġġjament kawt tal-President tal-Bank Christine Lagarde u sħabha.

L-istatistika li ħierġa miż-żona tal-ewro hija diżappuntanti mhux ħażin u probabbilment hija r-raġuni għala l-ewro ma avvanzax aktar.

L-istitut ta’ riċerka Ġermaniż, Markit, ippubblika l-estimi preliminari tal-manifattura matul Settembru biċ-ċifri għall-Ġermanja u l-Unjoni Ewropea komplew jespandu iżda naqsu minn Awwissu u ma laħqux it-tbassir tas-suq.

Fl-Istati Uniti ħarġu ċ-ċifri tal-qgħad tal-ġimgħa li għaddiet li kienu 351,000, agħar milli mistennija. Aktar tard fis-sessjoni Amerikana, il-Markit kellu joħroġ iċ-ċifri dwar l-indiċi tax-xiri mill-fabbriki waqt li l-pajjiż jippubblika ċ-ċifri mill-Institute for Supply Management.

Indiċi

L-indiċi ewlenin illum urew żieda bl-Istati Uniti fuq quddiem b’żidiet ta’ 1.23% segwiti mill-qrib mill-indiċijiet Ewropej, l-iStoxx 50, DAX u CAC 40.

Dawn żdiedu aktar minn 1%. Kien hemm xi żieda dgħajfa fil-FTSE 100 u fl-indiċi lokali.

Ishma

Fl-ishma lokali, is-Santumas Shareholding kienu quddiem taż-żidiet b’aktar minn 4.5%.

Fit-tieni post kien hemm zewġ kumpaniji li żdiedu b’1.67%, il-BMIT Technologies u l-Lifestar.

L-ishma tal-GO żdiedu aktar minn 1% waqt li dawk tal-Malta Intrernational Airpoprt kienu negozjati b’ebda moviment.

Bonds

Fil-qasam tal-bonds lokali, it-Tum Finance, l-International HotelInvestments u l-Von der Heyden żdiedu.

Il-MIDI u l-GAP tilfu fil-valur bil-MIDI tilfu nofs punt perċentwali u l-GAP b’1.45%

Prodotti essenzjali

Iż-żejt kompla jiżdied llum waqt li d-deheb u l-fidda kienu taħt pressjoni.

Il-valur tad-deheb tilef 1% waqt li l-fidda tilfet nofs punt perċentwali.

Dan it-tagħrif kien miġbur mill-BNF Bank.