Barranin
Il-posponiment tat-tneħħija tar-restrizzjonijiet fir-Renju Unit jaffettwa l-isterlina

Muniti

Ir-rata tal-ewro mad-dollaru baqgħet ftit ‘il fuq minn $1.2100 u b’hekk ikkonsolida l-irkupru riċenti mil-livelli baxxi ta’ bosta xhur qabel il-ħruġ taċ-ċifri importanti tal-bejgħ bl-imnut fl-Istati Uniti.

Id-dħul mill-bonds tat-Teżor Amerikan tbaxxew hekk kif il-Federal Reserve beda jumejn ta’ laqgħat dwar il-politika monetarja.

Id-domanda għad-dollaru Amerikan kibret qabel il-ftuħ f’Wall Street bir-rata tal-ewro tirtira minn $1.2123 iżda żammet ‘il fuq minn $1.2100.

Id-dollaru żamm is-saħħa tiegħu wara l-ħruġ ta’ dejta mħallta ekonomika.

Il-bejgħ bl-imnut matul Mejju tbaxxa b’1.3%, agħar milli kien mistenni, waqt li l-indiċi tal-prezzijiet tal-produzzjoni fl-istess xahar żdied b’6.6% minn sena għal sena, sinjal ieħor ta’ pressjoni inflazzjonarja li qed tikber.

Kmieni fil-jum, il-Ġermanja ppubblikat l-verżjoni finali taċ-ċifri tal-inflazzjoni għal Mejju.

L-indiċi annwali kien konfermat fi 2.4% kif stmat qabel. L-UE ppubblikat il-bilanċ kummerċjali għal April li wera ‘surplus’ ta’ €9.4 biljun.

L-isterlina rtirat bil-kbir mill-ogħla rata tal-jum ta’ $1.4128 għal madwar $1.4040 hekk kif id-dollaru kompla jissaħħaħ.

Il-posponiment tat-tneħħija tar-restrizzjonijiet u l-inċertezza ta Brexit kellhom effett ħażin fuq il-lira.

Indiċi

L-indiċijiet ewlenin llum kienu pożittivi bl-eċċezzjoni ta xi negattività mill-Istati Uniti iżda din ma kinitx biżżejjed biex l-investituri jdaħħlu l-indiċi f’territorju negattiv.

It-Topix tal-Ġappun gawda l-aktar illum. Iż-żidiet f’oħrajn kienu bejn 0.4% u 0.5% li kienu akbar minn dawk tas-soltu għal jum normali. L-indiċi lokali tilef kważi 1%.

Ishma

Fil-qasam tal-ishma lokali kienu l-GO biss li żdiedu b’0.6%. Kontra dan kien hemm telf fl-ishma tal-HSBC.

Il-PG tilfu 3.45%. Il-Lombard u l-MIDI tilfu 13% u aktar minn 16% rispettivament.

Ma kien hemm ebda moviment fil-prezz tal-Malta International Airport u ta’ Tigne Mall minkejja n-negozju fihom.

Bonds

Fil-bonds lokali, il-Hudson u l-Medserv żdiedu 0.5% u 0.11% rispettivament.

Erba’ bonds tilfu inqas minn 1%. Dawn kienu l-Hili Finance 2029, il-Me Direct, il-Corinthia u l-International Hotel Investments. Shorelines tilfu 1.63%.

Prodotti essenzjali

Il-prezz tad-deheb qed jipprova li jikseb rkupru ‘l fuq minn $1850, għalkemm ftit kien hemm konvinzjoni mix-xerrejja għax id-dollaru baqa’ qrib l-ogħla rata dan ix-xahar.

Dan it-tagħrif kien miġbur minn BNF Bank.