Il-prezz tad-deheb fl-ogħla livell fl-aħħar 5 xhur

Muniti

L-isterlina llum ssaħħet wara li d-dejta wriet li l-kumpaniji Ingliżi impjegaw aktar ħaddiema f’Ottubru wara li ntemmet l-iskema tal-gvern ta’ sussidju fuq il-pagi.

Dan naqqas xi ftit mit-tħassib tal-Bank of England dwar ir-riskju ta’ żieda fir-rati tal-interessi.

Id-dollaru Amerikan tela’ għall-ogħla livell f’16-il xahar wara żieda fid-dħul mill-bonds tat-Teżor Amerikan u temm il-jum ogħla mill-maġġoranza tal-muniti rival.

Dan wara tħassib mill-ġdid dwar it-tkabbir globali u l-inflazzjoni hekk kif l-investituri stennew il-ħruġ ta’ aktar dejta mill-Istati Uniti biex jaraw jekk il-Federal Reserve hux ser iżid ir-rati tal-interessi fil-qrib.

Indiċi

Bosta indiċijiet Ewropej illum laħqu livelli għolja record mgħejjuna minn rapporti finanzjarji tajbin mill-kumpaniji, stqarrijiet moderati mill-President tal-Bank Ċentrali Ewropew u sinjali ta’ tnaqqis fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina.

L-indiċijiet f’Wall Street fetħu xi ftit aktar baxxi b’Nvidia jkollu effett ħażin fuq l-S7P 500 u n-Nasdaq wara li r-Renju Unit ordna stħarriġ mill-qiegħ dwar l-akkwist ippjanat minn din il-kumpanija ta’ tagħmel iċ-ċippi elettroniċi tal-kumpanija Arm.

Ishma

Fis-sessjoni tal-ishma lokali il-Bank of Valletta żdiedu b’1.15% wara li għalqu bil-prezz ta’ €1.15 kull sehem.

Il-Malta International Airport żdiedu 1.69% għal €6. L-HSBC Bank Malta mar l-aħjar b’żieda ta’ 2.47%.

Bonds

Il-Hili Finance Company 2029 kellu l-akbar tnaqqis fis-settur tal-bonds b’0.05%, segwiti mill-International Hotel Investments 026 li tilfu 0.01%.

Il-Hili Properties 2025 żdiedu 0.02%, il-Go 2031 avvanzaw 0.03%, is-6PM Holdings 2025 żdiedu 0.049%, waqt li t-Tumas Investments 2027 għalqu b’żieda ta’ 0.50% u l-SD Finance 2027 marru l-aħjar b’żieda ta’ 1%.

Prodotti essenzjali

Il-prezzijiet taż-żejt llum kienu mħallta, sostnuti mill-prospetti ta’ ħażniet inqas madwar id-dinja, iżda t-tbassir ta’ żieda fil-produzzjoni globali fix-xhur li ġejjin u tħassib dwar iż-żieda fil-każi tal-coronavirus fl-Ewropa għamlu pressjoni fuq il-prezzijiet.

Il-prezz tad-deheb tela’ għall-ogħla livell tiegħu f’ħames xhur hekk il-pressjonijiet ta’ żieda fil-prezzijiet kabbru l-attrazzjoni tad-deheb bħala protezzjoni kontra l-inflazzjoni u bbilanċjaw dollaru aktar b’saħħtu.

Dan it-tagħrif kien miġbur minn BNF Bank.