Barranin
Il-prezz tad-deheb jaqa’ bi 2% wara li rkupra d-Dollaru

Muniti

Id-Dollaru u l-Yuan Ċiniż irkupraw wara li l-Istati Uniti u ċ-Ċina ftehmu li jerġgħu jibdew it-taħditiet kummerċjali, waqt li l-Yen Ġappuniż u l-Frank Żvizzeru kienu l-akbar telliefa hekk kif l-investituri ħelsu minn muniti meqjusa bħala sikuri.

Id-Dollaru, li waqa’ dan l-aħħar minħabba li kibret l-aspettattiva li ser ikun hemm tnaqqis fir-rati tal-interessi, żdied b’0.4% kontra grupp ta’ muniti u b’0.4% kontra l-Ewro.

Il-Yen Ġappuniż li l-investituri għandhom xeħta li jixtru meta jkunu qed ifittxu post sikur għall-flushom, tilef 0.6% għal 108.53 Yen kull Dollaru iżda żdied 0.22% kontra l-Ewro. Il-Frank Żvizzeru tilef 0.4% kontra l-Ewro u 0.9% kontra d-Dollaru.

Indiċi

L-ishma fl-Ewropa żdiedu b’mod ġenerali bl-iSTOXX 50 kiseb l-ogħla livell fi 17-il xahar, hekk kif l-investituri daħlu għal assi aktar riskjużi wara li l-Istati Uniti u ċ-Ċina qablu li jerġgħu jibdew it-taħditiet kummerċjali. Trump offra konċessjonijiet liċ-Ċina fosthom li ma jkunx hemm tariffi ġodda u jnaqqas ir-restrizzjonijiet fuq il-kumpanija Ċiniża tat-teknoloġija Huawei bil-għan li jnaqqas il-firda maċ-Ċina.

L-S&P 500 kien riesaq biex jilħaq livell rekord mgħejun mill-aħbar tal-bidu mill-ġdid tat-taħditiet.

Ishma

Fil-qasam tal-ishma lokali, is-Santumas Shareholding tilfu 6.90%, u l-Bank of Valletta tbaxxew bi 3.77%.

F’territorju pożittiv kien hemm l-Malta International Airport bi 2.86%; l-RS2 Software b’1.92% u l-PG b’1.23%. L-HSBC Bank Malta u t-Trident Estates ma kellhom ebda moviment minkejja n-negozju li sar fihom.

Bonds

Fis-sessjoni tal-bonds lokali, it-Tum Finance 2029 kellhom l-akbar żieda ta’ 3.00%. L-International Hotel Investments 2025 żdiedu b’0.96%. L-International Hotel Investments 2026 tilfu 2.39%, l-Istivala Group Finance 2027 naqsu b’1.90% u l-Eden Finance 2027 tbaxxew b’1.86%.

L-OPEC u l-alleati tagħha jidher li ser jestendu t-tnaqqis fil-provvista taż-żejt din il-ġimgħa tal-anqas sa tmiem l-2019 hekk kif l-Iran ingħaqad mal-akbar prodotturi, l-Arabja Sawdija, l-Iraq u l-Russja, fi ftehim li jkomplu bil-politika li jsostnu l-prezz taż-żejt mhux raffinat fost ekonomija globali li qed tidgħajjef.

Il-Ministru taż-Żejt Iranjan, Bijan Zanganeh, qal lill-ġurnalisti llum li huwa ser jappoġġa tnaqqis fit-tul fil-produzzjoni b’sitta jew disa’ xhur. Teheran fil-passat kien oġġezzjona għall-politiki mressqa mill-akbar rivali tiegħu, l-Arabja Sawdija, għax jgħid li dan il-pajjiż huwa qrib wisq mal-Gvern Amerikan.

Il-prezzijiet tad-deheb waqgħu sa 2% hekk kif irkupra d-Dollaru minħabba li l-Istati Uniti u ċ-Ċina ftehim li jkomplu t-taħditiet, u b’hekk kabbru s-sentiment tal-investituri lejn assi aktar riskjużi u dan naqqas il-ħajra lejn id-deheb.

Aħbarijiet Oħra
Barranin

Muniti L-ewro tela’ għall-ogħla livell kontra d-dollaru fi kważi xahrejn wara li l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit laħqu ftehim dwar il-ħruġ mill-Unjoni. Għalkemm il-ftehim għad irid jiġi rratifikat mill-Parlament Ingliż,…

Barranin

Muniti Id-dollaru żdied għat-tieni jum infila llum hekk kif l-ottimiżmu li qed jonqos dwar l-aħħar żviluppi fit-taħditiet kummerċjali bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina wassal lill-investituri biex jixtru d-dollaru wara bejgħ…

Barranin

Muniti Id-dollaru żdied illum hekk kif l-investitui xtraw assi aktar sikuri hekk kif saru aktar kawteli dwar il-progress fit-taħditiet bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina. Id-dollaru waqa’ l-ġimgħa li għaddiet, u…

Barranin

Tamiet dwar progress fit-taħditiet bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina żammew lid-dollaru f’livelli baxxi u żiedu l-livelli ta’ muniti aktar riskjużi filwaqt li kummenti ottimisti mill-Ewropa dwar Brexit saħħew lill-Isterlina. Id-dollaru…

Aktar