Lokali
Il-prezz tad-deheb jibqa’ ħażin

Muniti 

Ir-rata tal-ewro kontra d-dollaru tbaxxiet lejn id-$1.21 wara li l-prezzijiet għall-konsumatur ewlenin fl-Istati Uniti ħarġu bi 3% flok it-2.3% kif imbassar.

Dawn iċ-ċifri jistgħu jwasslu sabiex il-Federal Reserve jissikka l-politika monetarja.

L-isterlina tbaxxiet għal taħt id-$1.41 wara li l-prezzijiet għall-konsumatur fl-Istati Uniti ħarġu b’4.2% u dawk ewlenin bi 3% kif issemma qabel.

Qabel il-Prodott Domestiku Gross tar-Renju Unit marru kontra t-tbassir bi tnaqqis ta’ 1.5%.

Il-par Sterlina-Dollaru għad irid jaħdmu għal aktar żidiet. Is-swieq jinsabu f’sentiment kontra r-riskju minħabba bosta fatturi.

Il-kunflitt li qed jiżdied bejn l-Iżrael u l-fazzjoni Palestinjana tal-Hamas huwa l-aħħar fattur biex inaqqas is-sentiment flimkien mal-attakk ċibernetiku li pparalizza l-provvisti tal-fjuwil lejn il-Grigal tal-Istati Uniti.

Indiċi

Indiċijiet ewlenin tal-ishma fl-Istati Uniti llum fetħu aktar baxxi hekk kif l-investituri studjaw l-aħħar ċifri ta’ inflazzjoni li juru li I-Indiċi Annwali tal-Prezzijiet għall-Konsumatur tela’ għal 4.2% f’April minn 2.6% matul Marzu.

Il-Ġappun kien ukoll negattiv madankollu l-Ewropa u r-Renju Unit kellhom jum pożittiv bl-akbar żieda fir-Renju Unit. L-indiċi lokali żdied ukoll max-xejra Ewropea.

Ishma

Fil-qasam tal-ishma lokali l-Malta International Airport illum żdiedu b’aktar minn 4%.

Iż-żewġ banek il-kbar kienu negozjati mingħajr moviment mentri l-MIDI u l-Fimbank tilfu 3.69% u 5.03% rispettivament.

Madankollu minħabba kapitalizzazzjoni iktar baxxa dawn li jidhru tnaqqis kbar ma kellhomx saħħa biżżejjed biex jiġbdu l-indiċi ‘l isfel.

Bonds

Il-bonds kellhom sessjoni mħallta bil-Von Der Heyden Group b’żieda ta’ kważi 1%.

Il-Mercury u l-Mediterranean Investmens Holdings ukoll kellhom żidiet konsistenti.

Il-bonds tal-International Hotel Investments tilfu madwar nofsd punt perċentwali waqt li l-Melite Finance tilfu 12.5%.

Prodotti essenzjali

Il-prezzijiet taż-żejt llum żdiedu għalkemm il-moviment kien akkumpanjat minn interess li qed jitbaxxa.

Għalhekk jidher li ma tantx se jkun hemm żieda f’terminu qasir iżda konsolidament qrib il-livelli preżenti.

Il-prezz tad-deheb baqa’ fuq sieq ħażina qrib l-$1,833 u ma kienx kapaċi jaqbez l-$1,836 minkejja pawsa fiż-żieda fir-rata tad-dollaru.

Din kienet ġabra ta’ aħbarijiet finanzjarji miġbura minn BNF Bank.