Barranin
Il-prezz tad-deheb jitbaxxa hekk kif javvanza d-Dollaru

Id-Dollaru Amerikan żamm maż-żidiet wara li tela’ mill-inqas rata fi tliet ġimgħat hekk kif it-tnaqqis fit-tensjoni dwar gwerra kummerċjali kabbar is-sentiment għar-riskju fost l-investituri. Is-swieq finanzjarji fl-Istati Uniti kienu mgħejjuna minn rapporti finanzjarji tajbin mill-kumpaniji u dan għen ishma Ewropej hekk kif l-investituri ffukaw fuq l-istatistika ekonomika u warrbu lejn il-ġenb t-tħassib dwar gwerra kummerċjali globali.

L-Isterlina llum waqgħet għall-inqas rata f’erbat ijiem, u b’hekk tilfet iż-żidiet għal din il-ġimgħa wara li l-inflazzjoni fir-Renju Unit tbaxxiet għall-inqas livell f’sena matul Marzu. Dan qajjem dubju dwar il-kunsens li kien hemm li l-Bank of England kien ser iżid ir-rati tal-interessi x-xahar id-dieħel. Statistika uffiċjali wriet li l-inflazzjoni fil-prezzijiet għall-konsumatur naqset fuq bażi annwali għal 2.5% minn 2.7% fi Frar.

Id-Dollaru Kanadiż issoda kontra dak Amerikan wara li laħaq l-ogħla rata fi tmint ijiem fil-jum ta’ qabel,  hekk kif l-investituri tefgħu l-attenzjoni lejn l-aħbar dwar ir-rati tal-interessi mill-Bank of Canada.

L-ishma Ewropej issodaw, sostnuti minn riżultati mill-kumpaniji li intlaqgħu tajjeb u hekk kif il-fokus ma baqax fuq il-politika internazzjonali matul l-istaġun tat-tħabbir tar-rapport finanzjarji għall-ewwel tliet xhur.

Il-FTSE 100 kien l-aħjar li mar fl-Ewropa b’żieda ta’ 1.12%. L-istess żieda kienet fl-indiċi Ġappuniż waqt li l-iSTOXX 50 u l-CAC 40 żdiedu madwar 0.3%. Kien hemm tnaqqis żgħir fid-DAX u fid-Dow Jones kmieni wara nofsinhar waqt li l-indiċi tal-Borża ta’ Malta kellu żieda ta’ 0.32%.

Fil-Borża ta’ Malta, l-International Hotel Investiments kellhom żieda qawwija ta’ 6% illum bil-Bank of Valletta juru żieda ta’ 0.28%. F’territorju negattiv kien hemm Simonds Farsons Cisk li tilfu 0.73% u HSBC bi tnaqqis ta’ aktar minn 1%.

Iċ-ċaqliq kien inqas sinifikattiv fil-qasam tal-bonds fejn kien hemm żieda ta’ 1.25% fl-SD Finance. Movimenti żgħar kien hemm fil-Hili Properties. F’territorju negattiv kienu l-bonds tal-Bank of Valletta u tal-Corinthia Finance.

Il-prezzijiet taż-żejt estendew iż-żidiet, mgħejjuna minn rapport ta’ tnaqqis fl-inventarji taż-żejt mhux raffinat fl-Istati Uniti u r-riskju ta’ tfixkil fil-provvista.

Il-prezzijiet tad-deheb tbaxxew hekk kif avvanzaw id-Dollaru u l-istokks. Dan juri domanda akbar għal assi riskjużi mgħejjuna minn stastistika ekonomika tajba mill-Istati Uniti u għadd ta’ rapporti finanzjarji tajbin mill-kumpaniji. Il-fidda għoliet b’aktar minn 2%.

Aħbarijiet Oħra
Barranin

Muniti Id-dollaru tbaxxa llum, hekk kif id-dħul mill-bonds tat-Teżor komplew jilħqu livelli baxxi ġodda, u l-investituri qed jaħsbu bis-sħiħ li l-Federal Reserve ser inaqqas ir-rati tal-interessi biex itaffi l-impatt tal-coronavirus…

Barranin

Muniti Bl-esportazzjoni inżammet lura l-attività ekonomika fil-Ġermanja fir-raba’ kwart tal-2019. Dan jikkonferma li l-akbar ekonomija fiż-żona euro kienet diġà qed tistaġna ferm qabel l-imxija tal-coronavirus. L-ewro tilef 0.15% kontra d-dollaru…

Barranin

Muniti L-Isterlina tbaxxiet għar-raba’ jum wara l-ieħor kontra d-Dollaru hekk kif is-saħħa tal-munita Amerikana u t-tħassib dwar il-bidu tat-taħditiet kummerċjali bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea warrbu min-nofs l-istatistika li…

Barranin

Muniti Id-dollaru żdied illum għall-ogħla rata fi kważi 3 snin kontra l-ewro, li kienet taħt pressjoni minn stħarriġ Ġermaniż li wera tnaqqis fil-fiduċja tal-investitur fl-ikbar ekonomija tal-Ewropa. L-ewro tbaxxa b’0.36%…

Aktar