Il-prezz tad-deheb jiżdied għat-tieni ġimgħa nfila

Id-dollaru Amerikan illum laħaq l-ogħla livell f’disa’ xhur kontra l-muniti rivali mgħejjun minn biżgħat li l-varjant Delta jista’ jdewwem l-irkupru ekonomiku globali hekk kif il-banek ċentrali bdew inaqqsu l-istimulu ta’ żmien il-pandemija.

Waqt li l-movimenti fis-swieq tal-kambju kienu limitati hekk kif stabilizzaw is-swieq tal-ishma, id-dollari tal-Awstralja u ta’ New Zealand li huma sensittivi għar-riskju ħadu tisbita.

Is-swieq emerġenti ukoll intlaqtu ħażin u kellhom ġimgħa mill-agħar. Passi ħarxa regolatorji fiċ-Ċina u t-tħassib dwar il-Covid-19 giegħlu lill-investituri jfittxu assi aktar siguri.

L-ewro żdied 0.1% għal $1.1682 iżda xorta kienu qed jiġi nnegozjat qrib l-inqas livell f’disa xhur ta’ $1.16655 ta’ matul il-lejl. L-isterlina waqgħet għall-inqas livell f’xahar kontra d-dollaru u kontra l-ewro.

L-ishma Asjatiċi komplew bit-telf illum waqt li d-dollaru żamm iż-żidiet riċenti.

Tnaqqis fil-prezz tal-ishma fl-Ewropa waqaf illum għalkemm l-indiċi kien riesaq lejn l-agħar ġimgħa minn Frar minħabba sinjali ta’ tkabbir ekonomiku aktar bil-mod, iż-żieda fil-każi tal-Covid u l-biża’ ta’ tnaqqis fl-istimulu ekonomiku aktar kmieni milli kien maħsub.

L-indiċi pan-Ewropew STOXX 600 dalgħodu kellu żieda ta’ 0.1% wara tnaqqis ta’ 1.5% fil-jum ta’ qabel wara indikazzjonijiet li l-Federal Reserve tal-Istati Uniti kien se jibqa’ jnaqqas l-istimulu monetarju aktar tard din is-sena.

L-indiċi tal-ishma tal-minjieri irkupra minn tnaqqis ta’ 4% ilbieraħ hekk kif stabilizzaw il-prezzijiet tar-ramm iżda xorta kien l-agħar settur Ewropew din il-ġimgħa.

Il-prezzijiet taż-żejt stabilizzaw rwiehom illum u żdiedu mill-inqas livell fi tliet xhur, iżda xorta kienu resqin lejn telf ta’ aktar minn 5% hekk kif lockdowns ġodda f’bosta pajjiżi li qed ikollhom żieda fil-każi tal-varjant Delta tappnu l-prospetti għad-domanda tal-fjuwil.

It-tnaqqis fir-riskju mill-investituri ukoll kellhom effett ħażin fuq il-prezz taż-żejt biż-żieda fid-dollaru minħabba sinjali li l-Federal Reserve qed jikkunsidra li din is-sena jnaqqas l-istimulu monetarju.

Il-prezzijiet tad-deheb żdiedu u resqin lejn it-tieni ġimgħa infila ta’ żidiet minħabba li tħassib li qed jikber dwar il-firxa tal-varjant Delta u l-impatt tiegħu fuq l-irkupru ekonomiku tappnu s-sentiment ta’ riskju.

Dan it-tagħrif kien miġbur minn BNF Bank.