Barranin
Il-prezz tad-deheb qed jitbaxxa mil-livelli għolja ta’ bosta xhur

Wara ż-żieda ta’ nhar l-Erbgħa, l-ewro żdied kontra d-dollaru imma ma daħalx f’territorju pożittiv. Huwa qed ibati mid-dħul mill-bonds tat-Teżor Amerikan u l-impatt tiegħu fuq il-valutazzjoni tad-dollaru.

Id-dħul fuq il-bonds ta’ 10 snin kompla jitbaxxa lbieraħ u tilef 1.6% fuq bażi ta’ jum. Madankollu jekk dawn jibqgħu ‘l fuq minn 1.5%, u sakemm jinżamm dan il-livell, l-investituri aktarx li jaraw it-tnaqqis ta’ din il-ġimgħa bħala korrezzjoni teknika aktar milli bidla ta’ direzzjoni.

Sadanittant kummenti moderati minn uffiċjali tal-Bank Ċentrali Ewropew jagħmluha diffiċli għall-munita unika li tkun aħjar mid-dollaru.

Wieħed minnhom, Klass Knot, qal ilbieraħ li huma qed jiżnu l-għażliet biex itaffu l-Programm ta’ Xiri ta’ Emerġenza ta’ waqt il-Pandemija, (il-PEPP). Barra dan, il-President tal-Bank, Christine Lagarde, ma tatx importanza lejn tħassib dwar l-inflazzjoni billi tenniet li huma jaraw iż-żieda fl-inflazzjoni bħala xi ħaġa xprunata minn fatturi temporanji.

L-Istati Uniti mistennija tippubblika qabel tmiem il-ġimgħa l-istatistika dwar il-bejgħ bl-imnut f’Settembru u l-indiċi tas-sentiment tal-Konsumatur mill-Università ta’ Michigan għal Ottubru.

L-isterlina ma rnexxielhiex titla’ ‘l fuq minn $1.3700 ilbieraħ, iżda l-investituri mhumiex skoraġġuti għax jidher li reġa’ qam il-bejgħ tal-par. Fil-fatt dalgħodu l-isterlina kienet tiswa $1.3730; l-ogħla fi tliet ġimgħat.

Il-prezz tad-deheb qed jitbaxxa mil-livelli għolja ta’ bosta xhur, ftit ‘il fuq minn $1,800, hekk kif irkupra d-dollaru flimkien mad-dħul mill-bonds tat-Teżor fost titjib fis-sentiment tas-suq.

Rapporti tajbin dwar id-dħul mill-kumpaniji Amerikani naqqsu l-biża’ dwar ir-riskji ta’ żieda fl-inflazzjoni u dan xpruna s-sentiment tal-investitur a spejjeż tad-deheb meqjus bħala ass sigur. Sadanittant, il-fatt li d-deheb ma żammx il fuq minn $1,800 baxxa l-prezz, hekk kif l-investituri qed jistennew l-istatistika dwar il-konsumatur fl-Istati Uniti qabel xi mossa deċiżiva dwar id-deheb.