Barranin
Il-prezz tad-deheb żdied minħabba dollaru aktar dgħajjef

Muniti 

Id-dollaru Amerikan tbaxxa għall-inqas rata f’erba’ ġimgħat kontra muniti ewlenin oħra hekk kif id-dħul mill-bonds tat-Teżor tbaxxew mil-livelli għolja tax-xahar li għadda, bl-investituri dejjem konvinti li l-Federal Reserve ser ikompli bir-rati baxxi għal xi żmien.

Min-naħa tiegħu, l-ewro laħaq l-ogħla rata f’erba’ ġimgħat kontra d-dollaru għal $1.1990 biex imbagħad tbaxxa għal $1.1972.

Indiċi

L-ishma fl-Ewropa llum laħqu livell għoli rekord għax irkupraw il-prezzijiet tal-komoditajiet li saħħew l-ishma tal-minjieri, waqt li xi rapporti finanzjarji mill-kumpaniji pożittivi bbilanċjaw it-tħassib dwar il-pass tat-tilqim kontra l-Covid-19. Waqt li l-ishma Ewropej irkupraw it-telf li
kellhom minħabba l-pandemija, jibqa’ t-tħassib għax kien hemm aktar inkwiet fil-kampanja mqallba tat-tilqim fil-kontinent. Johnson & Johnson tal-Istati Uniti qed idewwem il-ħruġ tal-vaċċin tagħha fl-Ewropa u d-Danimarka qalet li ser twaqqaf it-tilqim bl-AstraZeneca minħabba r-riskju ta’ blood clots.

L-S&P 500 u d-Dow Jones telgħu għal-livelli rekord għax rapporti finanzjarji tajbin minn kumpaniji nkluż il-Bank of Amerika u l-BlackRock kif ukoll irkupru qawwi fil-bejgħ bl-imnut matul Marzu kabbru t-tamiet ta’ rkupru ekonomiku usa’.

Ishma Lokali

Fis-sessjoni tal-ishma lokali llum, il-FimBank kienu fuq quddiem tat-telf b’17.55%. Segwew l-ishma ta’ HSBC Bank Malta li tilfu 7.78% waqt li l-Bank of Valletta tbaxxew bi 2.17%.

F’territorju pożittiv, Tigne Mall avvanzaw 1.39%, il-BMIT Technologies żdiedu b’1.96% u l-Medserv marru l-aħjar b’żieda ta’ 7.25%.

Is-sentiment fis-sessjoni tal-bonds lokali kien negattiv. Il-Mediterranean Investments Holding 2022 tilfu kważi 2%; id-Dizz Finance 2026 tbaxxew b’1%, l-AX Group 2026 l-Ewwel Serje naqsu b’0.98% u kemm il-Hili Properties 2025 u l-SP Finance 2029 tilfu 0.49%. F’territorju pożittiv kien hemm l-Eden Finance 2027 b’0.48% u l-International Hotel Investments 2021 b’0.75%.

Il-prezzijiet taż-żejt tbaxxew iżda baqgħu qrib l-ogħla livell f’xahar xprunati minn tbassir pożittiv dwar id-domanda mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija u l-OPEC hekk kif ekonomiji qed jirkupraw mill-pandemija.

Il-prezzijiet tad-deheb żdiedu minħabba dollaru aktar dgħajjef u tnaqqis fid-dħul mill-bonds Amerikani waqt li l-investituri stennew ir-rapport ta’ kull ġimgħa dwar il-qgħad fl-Istati Uniti u ċ-ċifri dwar il-bejgħ bl-imnut matul Marzu għal aktar ċarezza dwar l-irkupru fl-akbar ekonomija fid-dinja.