Il-prezz tal-fidda jiżdied bi tliet darbiet aktar minn dak tad-deheb

Muniti

Il-par ewro/dollar kien qed ikun negozjat xi ftit ogħla f’jum kwiet qrib id-$1.1570.

Id-domanda għad-dollaru titbaxxa hekk kif id-dħul mill-bonds tat-Teżor jibqgħu qrib l-livelli baxxi riċenti, li fuq bonds ta’ 10 snin jinsab 1.47%.

It-tnaqqis fid-dollaru jidher li huwa korrettiv wara l-avvanz solidu tal-ġimgħa li għaddiet, wara d-deċiżjoni tal-Federal Reserve u rapport aħjar milli kien mistenni dwar il-pagi, esklużi dawk tal-biedja.

Indiċi

B’mod ġenerali s-sentiment tas-suq huwa kawt.

L-indiċi tal-Asja kienu f’territorju negattiv għalkemm it-telf kien modest.

L-indiċijiet Ewropej, għalkemm fetħu aktar baxxi, bidlu d-direzzjonijiet wara nofsinhar.

Wall Street kienet mistennija tiftaħ marġinalment aktar baxxa għalkemm bit-tliet indiċijiet ewlenin qrib livell għolja rekord.

Wara l-ftuħ id-Dow Jones kellu żieda ta’ nofs punt perċentwali.

L-indiċi lokali tilef aktar minn nofs punt perċentwali.

L-UE ippubblikat is-Sentix Investor Confidence li tjieb minn 16.9 għal 18.3 f’Novembru, inqas mit-tbassir ta’ 18.6. i

Illejla kellu jkun hemm kummenti mill-President tal-Federal Reserve Jereome Powell u uffiċjali oħra iżda ma jidhrix li se jkun hemm xi sorpriża għall-investituri wara l-aħbar tal-ġimgħa li għaddiet li ser jonqos ix-xiri mill-Federal Reserve tal-bonds.

Ishma

Fil-qasam tal-ishma lokali kien hemm xi volatilità f’ġurnata attiva fin-negozju b’żidiet u telf ta’ aktar minn 5%.

Trident Estate u l-International Hotel Investments żdiedu 6.29% u 5.88% rispettivament.

Il-GO avvanzaw 3.68% u l-BMIT Technologies 1.24%.

Il-Bank of Valletta tilfu kważi 7% waqt li l-Malta Properties Company tilfu kważi 8%.

Bonds

Iż-żidiet u t-telf fil-bonds lokali kienu aktar razzjonali b’dawk bl-akbar żieda, in-1923 Investments li żdied ftit aktar minn 2%.

L-SD Finance u l-iStivala avvanzaw punt u nofs.

L-International Hotel Investments u l-Hal Mann Vella Group żdiedu 1%.

Il-Malta Investments Holding l-inqas li żdiedu waqt li l-GO tilfu 1%.

Prodotti essenzjali

Il-prodotti essenzjali llum kellhom jum tajjeb bid-derivattivi taż-żejt ikunu negozjati b’aktar minn nofs punt perċentwali waqt li d-deheb u l-fidda kienu negozjati bi ftit diverġenza għalkemm f’direzzjoni pożittiva bid-deheb jiżdied 0.22% u l-fidda tliet darbiet aktar.

Dan it-tagħrif kien miġbur mill-BNF Bank.