Il-prezz taż-żejt jibqa’ pożittiv, dak tad-deheb le

Muniti

L-ewro u d-dollaru llum kienu qrib l-aktar livell baxx f’dawn l-aħħar xhur ta’ 1.1715, hekk kif id-domanda għad-dollaru tibqa’ solida waqt li l-ewro ġie affettwat minn dejta lokali dgħajfa.

Il-Ġermanja ppubblikat riżultat ta’ stħarriġ għal Awwissu li juri li s-sentiment ekonomiku fil-pajjiż tbaxxa sew għal 40.4 kontra l-livell mistenni ta’ 56.7.

L-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni kurrenti turi 29.3 taħt dak imbassar ta’ 30. Għall-UE, is-Sentiment Ekonomiku niżel minn 61.2 għal 42.7, ħafna inqas il-livell mistenni ta’ 72.

Sadanittant, żdiedu l-profitti tat-Teżor tal-Istati Uniti waqt li l-indiċi globali varjaw bejn qligħ u telf madwar il-livelli inizjali tagħhom hekk kif l-investituri qed jistennew katalist.

Aktar tard illum is-Senat Amerikan se jivvota fuq proposta għall-infrastruttura ta’ triljun dollaru Amerikan.

Madankollu l-attenzjoni hija ċċentrata fuq iċ-ċifri tal-inflazzjoni fl-Istati Uniti li għandhom jiġu ppubblikati għada l-Erbgħa.

Indiċi

L-indiċi li qed naraw illum kienu kollha pożittivi.

Il-Ġappun għalaq b’żieda ta’ 0.36%, l-Ewropa qed toqrob l-għeluq bl-indiċi ewlenin Ewropej u dawk tar-Renju Unit fuq livell deċiżament pożittiv.

L-indiċi Dow Jones ukoll kien pożittiv u sa ftit wara l-ftuħ kien qed jara qligħ ta’ 0.20%.

L-indiċi lokali kien f’livell tan-nofs u żied 0.27% fuq is-sessjoni ta’ qabel.

Ishma

L-ishma llum kellhom ġurnata kwieta u sitta ġew innegozjati bi tlieta jaraw tibdil fil-prezz u tlieta jibqgħu bla tibdil.

IHI, Malta Post u PG ma raw ebda tibdil waqt li San Tumas shareholding tilfu 6.5%.

Fuq nota pożittiva, GO kellhom qligħ ta’ 1.18% waqt li Trident estates telgħu b’aktar minn 12%.

Bonds

Il-bonds illum kienu ferm attivi b’aktar rebbieħa minn telliefa.

Dawk ta’ Stivala Group, li jimmaturaw fl-2029, raw qligħ ta’ 1% waqt li l-bonds l-oħra ta’ Stivala Group li jimmaturaw fl-2027, IHI, Hili u Pendergardens kollha raw żieda ta’ kważi 0.5%.

Min-naħa l-oħra żewġ bonds, IHI li jimmaturaw fl-2026 u Corinthia, raw tnaqqis ta’ 0.5%.

Prodotti essenzjali

Iż-żejt illum kien pożittiv b’1% iżda ġew innutati aktar movimenti ’l fuq.

Wara l-bejgħ qawwi tal-Ġimgħa, id-deheb bata telfiet kbar fil-bidu ta’ din il-ġimgħa u tilef aktar minn 4% f’jumejn.

Minkejja li d-deheb irnexxilu jħassar ftit mit-telf ilbieraħ, illum qed ibati biex jestendi l-irkupru tiegħu. Fil-fatt s’issa l-prezz baqa’ dak ta’ $1,730.

Minħabba kummenti tal-Federal Reserve u dejta pożittivi s-saħħa tad-dollaru Amerikan qed tkompli żżomm lura lid-deheb.

Dan it-tagħrif kien miġbur minn BNF Bank.