Il-prezz taż-żejt jitbaxxa fost tħassib li d-domanda għalih se tonqos

Muniti

Id-dollaru żamm fl-ogħla livell f’sena kontra grupp ta’ muniti rivali fost żieda fl-aspettattiva li l-Federal Reserve ser iħabbar tnaqqis fl-istimulu monetarju ix-xahar id-dieħel, potenzjalment biż-żieda fir-rati tal-itneressi lejn nofs l-2022.

L-ewro kellu żieda għal jum ta’ 0.3% għal $1.1565, qrib id-$1.1522 tas-sessjoni ta’ qabel l-inqas fi kważi 15-il xahar. L-investituri kienu ffokati fuq l-istatistika dwar il-prezzijiet għal konsumatur llum għal aktar ħjiel dewar meta jistgħu jidħlu rati ta interessi ogħla.

Indiċi

L-ishma Ewropej irkupraw xi telf bikri llum hekk kif tbassir tajjeb dwar id-dħul mill-grupp tas-software fil-Ġermanja, l-SAP, u bejgħ qawwi fi tliet xhur mill-manifattur tal-oġġetti lussużi fi Franza, l-LVMH, naqqsu t-tħassib dwar l-inflazzjoni.

L-indiċijiet ewlenin ta’ Wall Street fetħu ogħla llum b’żidiet fl-ishma tat-teknoloġija saħħew in-Nasdaq bl-investituri ma jagħtux kas żieda qwwija fil-prezzijiet għal konsumatur fuq medda ta’ xahar. Id-Dow Jones kien fin-negattiv ftit wara l-ftuħ.

Ishma

Fl-ishma lokali n-negozju llum kien kwiet ħafna bi tliet ishma biss jiġu negozjati. Il-GP għalaq fil-prezz ta’ €3.30 bi tnaqqis ta’ 1.79%.

Min-naħa l-oħra, it-Trident Estates żdiedu għal €1.56 b’żieda ta’ 0.65% u l-Bank of Valletta żdiedu b’1.12% għal prezz ta’ €0.90.

Bonds

Fis-settur tal-bonds lokali, il-movimenti l-kbar kienu fit-territorju negattiv fejn il-MeDirect Bank 2022-2027 tilfu1.96%, segwiti mix-Shoreline 2026 b’1.22%.

Il-Von der Heyden Group Finance 2024tilfu 0.97%, il-Bank of Valletta 2030 L-Ewwel Serje, l-Ewwel Ħruġ, 0.92%, il-Merkanti Holding 2026 tilfu 0.50% waqt li l-SD Finance 2027 kellhom tnaqqis ta’ 0.49%. L-aħjar li marru kienu il-Hili Finance Company 2029 li żdiedu 1.99%.

Prodotti essenzjali

Il-prezzijiet taż-żejt tbaxxew illum hekk kif l-aspettattivi kibru li d-domanda għaż-żejt ser tonqos hekk kif l-inflazzjoni u kwistjonijiet dwar il-katina tal-provvista jagħfsu ekonomija maġġuri, għalkemm il-prezzijiet li qed jogħlew sewwa għal fjuwil tal-ġenerazzjoni tal-elettriku llimitat it-telf.

Dan it-tagħrif kien miġbur minn BNF Bank.